Evoluzzjoni
From Wikipedia, the free encyclopedia
Fil-bijoloġija, l-evoluzzjoni hija l-bidla fil-materjal ġenetiku ta' popolazzjoni ta' organiżmi minn ġenerazzjoni għal oħra. Għalkemm il-bidliet li jsiru f'kull waħda mill-ġenerazzjonijiet huma żgħar, id-differenzi jinġemgħu ma' kull ġenerazzjoni u jistgħu, matul iż-żmien, iwettqu bidliet sostanzjali fl-organiżmi. Dan il-proċess jista' jirriżulta fil-ħolqien ta' speċi ġodda. Tabilħaqq, ix-xebh bejn l-organiżmi jissuġġerixxi li l-ispeċi magħrufa kollha huma imnisslin minn antenat komuni (jew patrimonju ġenetiku wieħed) permezz ta' dan il-proċess ta' diverġenza gradwali.[1]
Is-sisien tal-evoluzzjoni huma l-ġeni li jiġu mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra; dawn jipproduċu l-karatteristiċi jew xeħtiet li jintirtu fl-organiżmu. Dawn il-karatteristiċi jvarjaw fost il-popolazzjonijiet, bl-effett li l-organiżmi juru differenzi li jintirtu (varjazzjoni) fil-karatteristiċi tagħhom. L-evoluzzjoni nfisha hi l-prodott ta' żewġ forzi opposti: il-proċessi li l-ħin kollu jintroduċu l-varjazzjoni, u l-proċessi li jagħmlu l-varjanti jsiru aktar komuni jew rari. Varjazzjoni ġdida tista' tinħoloq b'żewġ modi ewlenin: jew minn mutazzjonijiet fil-ġeni, jew mit-trasferiment tal-ġeni bejn il-popolazzjonijiet u bejn l-ispeċi. Fl-ispeċi li jirriproduċu sesswalment, xi taħlitiet ġodda ta' ġeni huma prodotti wkoll mir-rikombinazzjoni ġenetika, li tista' żżid il-varjazzjoni bejn l-organiżmi.
Hemm żewġ mekkaniżmi prinċipali li jiddeterminaw liema varjanti jsiru aktar komuni jew rari fil-popolazzjoni. L-ewwel hi s-selezzjoni naturali, proċess li l-karatteristiċi ta' ġid (dawk li jżidu ċ-ċans ta' sopravivenza u riproduzzjoni) iġegħilhom isiru aktar komuni f'popolazzjoni u jrażżan il-karatteristiċi ta' ħsara biex isiru aktar rari. Dan jiġri għaliex individwi b'karatteristiċi vantaġġjużi huma aktar probabbli li jirriproduċu, li jfisser li aktar individwi fil-ġenerazzjoni li jmiss se jirtu dawn il-karatteristiċi.[1][2] Matul ħafna ġenerazzjonijiet, l-adattament iseħħ permezz ta' kombinazzjoni ta' bidliet żgħar każwali waħda wara l-oħra fil-karatteristiċi u ta' għażla naturali tal-varjanti l-iżjed adattati għall-ambjent tagħhom.[3] It-tieni mekkaniżmu importanti li jsuq l-evoluzzjoni hu t-tkarkir ġenetiku, proċess indipendenti li jipproduċi bidliet każwali fil-frekwenza tal-karatteristiċi f'popolazzjoni. It-tkarkir ġenetiku jirriżulta mill-effett tal-probabbiltà fuq jekk ċertu karatteristika titgħaddiex jew le lil individwi li jgħixu u jirriproduċu.
Il-bijoloġi evoluttivi jiddokumentaw il-fatt li l-evoluzzjoni sseħħ, kif ukoll jiżviluppaw u jittestjaw teoriji li jispjegaw il-kawżi tagħha. L-istudju tal-bijoloġija evoluttiva bdiet f'nofs is-seklu 19, meta l-istudji tal-fossili u d-diversità tal-organiżmi ħajjin ikkonvinċew lill-parti l-kbira tax-xjenzjati li l-ispeċi jinbidlu maż-żmien.[4][5] Madanakollu, il-mekkaniżmu li jsuq dawn il-bidliet baqa' mhux ċar sal-wasla tat-teoriji tas-selezzjoni naturali skoperta indipendentement minn Charles Darwin u Alfred Wallace. Bix-xogħol importantissmu ta' Darwin Dwar l-oriġni tal-ispeċi tal-1859, it-teoriji l-ġodda tal-evoluzzjoni naturali xxandru u tferrxu fil-wisa'.[6]
Ix-xogħol ta' Darwin malajr wassal għal aċċettazzjoni qawwija u mifruxa tal-evoluzzjoni fost ix-xjenzjati.[7][8][9][10] Fis-snin 1930, l-għażla naturali Darwinjana ġiet ikkombinata mal-eredità Mendeljana biex tifforma s-sinteżi evoluttiva moderna,[11] li għamlet konnessjoni bejn l-unitajiet tal-evoluzzjoni (il-ġeni) u l-mekkaniżmu tal-evoluzzjoni (l-għażla naturali). Din t-teorija, b'ħila qawwija li tispjega u tbassar, issuq ir-riċerka billi l-ħin kollu tqanqal problemi ġodda, u saret il-prinċipju ċentrali li jorganizza l-bijoloġija moderna, li jipprovdi spjegazzjoni unifikanti għad-diversità tal-ħajja fuq l-Art.[8][9][12]