eks belt-stat fl-Amerka Ċentrali attwalment fin-Nofsinhar tal-Messiku From Wikipedia, the free encyclopedia
Palenque (pronunzja bl-Ispanjol: [pa'leŋke]; bil-Maja tal-Yucatan: Bàakʼ [ɓaːkʼ]), magħrufa fl-antik ukoll bil-lingwa Itza bħala Lakamhaʼ (li tfisser litteralment "Ilma Kbir jew Ilmijiet Kbar")[1][2], kienet belt-stat tal-Maja fin-Nofsinhar tal-Messiku li spiċċat fix-xejn fis-seklu 8. Il-fdalijiet ta' Palenque jmorru lura għall-226 Q.K. sal-ħabta tas-799 W.K. Wara d-deklin tagħha, il-belt inħakmet mill-ġungla ta' siġar taċ-ċedru, tal-kawba u tas-sapodilla, iżda mbagħad ġiet skavata u rrestawrata.[3] Tinsab qrib ix-xmara Usumacinta fl-istat Messikan ta' Chiapas, madwar 130 kilometru (81 mil) fin-Nofsinhar ta' Ciudad del Carmen, 150 metru (490 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ikollha medja ta' xi 2,160 millimetru (85 pulzier) ta' xita fis-sena u temperatura umduża ta' 26 °C (79 °F).[3]
Palenque huwa sit b'daqs medju, iżgħar minn Tikal, Chichén Itzá jew Copán, iżda fih fost l-ifjen arkitettura, skultura, soqfa u bassoriljievi mnaqqxa li qatt ipproduċew il-Maja. Ħafna mill-istorja ta' Palenque ġiet rikostruwita mill-qari tal-kitbiet ġeroglifiċi tal-Maja fuq il-bosta monumenti; issa l-istoriċi għandhom sekwenza twila tad-dinastija mexxejja ta' Palenque fis-seklu 5 u għarfien estensiv tar-rivalità tal-belt-stat ma' stati oħra bħal Calakmul u Toniná. L-iżjed mexxej famuż ta' Palenque kien K'inich Janaab Pakal jew Pacal il-Kbir. Il-qabar tiegħu nstab u ġie skavat fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa. Sal-2005, iż-żona skoperta kienet tkopri sa 2.5 km2 (mil kwadru), iżda huwa stmat li inqas minn 10 % tal-erja totali tal-belt ġiet esplorata, u għad fadal iktar minn elf struttura li għadhom maħkuma u mgħottija mill-ġungla. Palenque laqgħet 920,470 viżitatur fl-2017.[4]
Karattri mitoloġiċi b'diversi glifiċi emblematiċi fit-titli tagħhom jissuġġerixxu storja bikrija kumplessa. Pereżempju, Kʼukʼ Bahlam I, li suppost kien il-fundatur tad-dinastija ta' Palenque, jissejjaħ Toktan Ajaw fit-test tat-Tempju tas-Salib tal-Weraq.
L-istrutturi famużi li nafu bihom illum il-ġurnata x'aktarx jirrappreżentaw sforz ta' rikostruzzjoni wara l-attakki mill-belt ta' Calakmul u mill-istati alleati tagħha fil-599 u fis-611.[5] Wieħed mill-figuri prinċipali responsabbli għar-rikostruzzjoni ta' Palenque u għal "rinaxximent" tal-arti u tal-arkitettura tal-belt huwa wkoll wieħed mill-iktar Ajaw tal-Maja li hu magħruf, Kʼinich Janaabʼ Pakal (jew Pacal il-Kbir), li mexxa mis-615 sas-683. Huwa magħruf permezz tal-monument funebri tiegħu mlaqqam it-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa, minħabba test twil ippreservat li nstab fit-tempju. Fiż-żmien meta Alberto Ruz Lhuillier skava l-qabar ta' Pakal, dan kien l-iktar qabar rikk u ppreservat tajjeb mill-oqbra skavati xjentifikament u magħrufa dak iż-żmien tal-Amerki tal-qedem. Baqa' magħruf b'dan il-mod sal-iskoperta tal-oqbra rikki tal-Moche f'Sipan, il-Perù, u l-iskoperti reċenti f'Copan, il-Ħonduras, u f'Calakmul, il-Messiku. Apparti l-attenzjoni li attira l-qabar ta' K'inich Janaab' Pakal lejn Palenque, il-belt hija storikament sinifikanti minħabba l-kitbiet ġeroglifiċi estensivi tal-Maja mwettqa matul ir-renji ta' Janaab' Pakal, ta' ibnu Kʼinich Kan Bahlam II, u tan-neputi tiegħu K'inich Akal Mo' Naab', u minħabba li huwa sit fejn Heinrich Berlin[6] u iktar 'il quddiem Linda Schele u Peter Mathews fasslu l-ewwel lista dinastika ta' belt tal-Maja.[7] Ix-xogħol ta' Tatiana Proskouriakoff kif ukoll dak ta' Berlin, Schele, Mathews, u oħrajn, ta bidu għall-investigazzjonijiet storiċi intensivi li kkaratterizzaw ħafna mill-istudju dwar il-Maja tal-qedem mis-snin 60 tas-seklu 20 sa llum il-ġurnata.[8] L-ikonografija estensiva u l-ġabra ta' testi ppermettew ukoll li jsir l-istudju tal-mitoloġija[9] u tal-prattiki ritwali tal-perjodu Klassiku tal-Maja.[10]
Din li ġejja hija lista tal-mexxejja tal-Maja possibbli u magħrufa ta' Palenque, bid-dati tar-renji tagħhom.[11][12]
Mexxejja mitoloġiċi u leġġendarji:
Dinastija ta' Palenque:
L-ewwel ajaw jew re ta' B'aakal li nafu bih kien K'uk Balam (li litteralment tfisser Ġagwar Quetzal), li mexxa lil Palenque għal erba' snin mill-431. Warajh laħaq re ieħor, imlaqqam "Casper" mill-arkeologi. Iż-żewġ rejiet ta' wara x'aktarx li kienu ulied "Casper". Ma tantx kien hemm tagħrif dwar l-ewwel re minnhom, B'utz Aj Sak Chiik, sal-1994, meta nstabet tavla b'deskrizzjoni ta' ritwal għar-re. L-ewwel tavla semmiet is-suċċessur tiegħu Ahkal Mo' Naab I bħala prinċep adolexxenti, u b'hekk huwa maħsub li kienu aħwa. Għal raġunijiet mhux magħrufa, Akhal Mo' Naab I kellu prestiġju kbir, u għalhekk ir-rejiet li ġew warajh kienu kburin li kienu d-dixxendenti tiegħu.
Meta Ahkal Mo' Naab I miet fil-524, kien hemm interrenju ta' erba' snin, qabel ma ġie inkurunat ir-re ta' wara f'Toktán fil-529. K'an Joy Chitam I rrenja għal 36 sena. Uliedu Ahkal Mo' Naab II u K'an B'alam I kienu l-ewwel rejiet li użaw it-titlu ta' Kinich, li jfisser "ix-xemx il-kbira". Dan it-titlu ntuża wkoll minn diversi rejiet oħra li ġew wara. B'alam ħaditlu postu fil-583 Yohl Ik'nal, li x'aktarx li kienet bintu. Il-kitbiet imnaqqxa li nstabu f'Palenque jiddokumentaw battalja li seħħet taħt ir-renju tagħha fejn truppi minn Calakmul invadew Palenque u serqu r-rikkezzi tal-belt, li kienet kisba militari bla preċedent. Dawn l-avvenimenti seħħew fil-599.
It-tieni rebħa ta' Calakmul fil-konfront ta' Palenque seħħet xi tnax-il sena wara, fis-611, matul ir-renju ta' Aj Ne' Yohl Mat, iben Yohl Iknal. F'din l-okkażjoni, ir-re ta' Calakmul daħal personalment f'Palenque, sabiex jikkonsolida d-diżastru militari sinifikanti, li ġie segwit minn epoka ta' diżordni politika. Aj Ne' Yohl Mat miet fis-612.
Palenque bdiet il-perjodu Klassiku Aħħari fid-diżordni minħabba t-telfiet li ġarrbet kontra Calakmul. Il-panewijiet bil-glifiċi fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa, li jirreġistraw l-avvenimenti li seħħew dak iż-żmien, jirrakkontaw li xi ċerimonji reliġjużi annwali fundamentali ma sarux fis-613 u li f'dak il-punt: "Tilfet is-Sinjura Divina, tilef ir-re". Referenzi għall-gvern ta' dak iż-żmien ma nstabux.
Jingħad li x'aktarx wara l-mewt ta' Aj Ne' Yohl Mat, Janaab Pakal, imsejjaħ ukoll Pakal I, ħa l-poter bis-saħħa ta' ftehim politiku. Janaab Pakal wettaq il-funzjonijiet tal-ajaw (ir-re) iżda qatt ma ġie inkurunat. Warajh laħqet bintu fis-612, ir-reġina Sak K'uk', li rrenjat għal tliet snin biss sa ma binha ma kiber biżżejjed biex jirrenja hu. Jitqies li d-dinastija ġiet stabbilita mill-ġdid minn hemm 'il quddiem, u għalhekk Palenque reġgħet qabdet it-triq tal-glorja u ffjorixxiet mill-ġdid.
In-neputi ta' Janaab Pakal, K'inich Janaab' Pakal, magħruf ukoll bħala Pakal il-Kbir, huwa l-iżjed famuż fost ir-rejiet tal-Maja. Huwa beda jirrenja meta kellu 12-il sena wara li ommu Sak K'uk' irriżenjat minn reġina wara tliet snin biss, u b'hekk assuma l-poter hu. Pakal il-Kbir irrenja f'Palenque mis-615 sas-683, u ommu baqgħet forza importanti għall-ewwel 25 sena tar-renju tiegħu. Jaf anke rrenjat b'mod konġunt miegħu. Magħruf bħala l-favorit tal-allat, huwa wassal lil Palenque għal livelli ġodda ta' ġid u ta' sbuħija, minkejja li ħa l-poter meta l-belt ma kinitx fl-aqwa tagħha. Pakal iżżewweġ lill-prinċipessa ta' Oktán, Tzakbu Ajaw (magħrufa wkoll bħala Ahpo-Hel) fis-624 u flimkien kellhom tlett itfal.
Il-biċċa l-kbira tal-palazzi u tat-tempji ta' Palenque nbnew matul ir-renju tiegħu; il-belt iffjorixxiet bħal qatt qabel, u saħansitra qabżet lil Tikal. Il-kumpless ċentrali, magħruf bħala l-Palazz, tkabbar u ġie mmudellat mill-ġdid diversi drabi, b'mod partikolari fis-654, fis-661 u fis-668. F'din l-istruttura hemm test li jiddeskrivi kif f'dik l-epoka Palenque kienet alleata ġdida ta' Tikal u anke ta' Yaxchilan, u li flimkien irnexxielhom jaqbdu lis-sitt rejiet għedewwa tal-alleanza.
Wara l-mewt ta' Pakal fis-683, ibnu l-kbir K'inich Kan B'alam laħaq warajh, u mbagħad warajh fis-702 laħaq ħuh, K'inich K'an Joy Chitam II. L-ewwel wieħed kompla x-xogħlijiet arkitettoniċi u skulturali li kien beda missieru, u lesta l-kostruzzjoni tal-qabar famuż ta' Pakal. Is-sarkofagu ta' Pakal, li nbena għal raġel twil ħafna, kien fih l-iżjed kollezzjoni rikka tal-ġada f'qabar tal-Maja. Fuq wiċċu tpoġġiet maskra tal-mużajk tal-ġada, u ma' ġismu tpoġġiet libsa magħmula mill-ġada, maħduma biċċa biċċa bl-idejn u miżmuma flimkien permezz ta' ħajtiet tad-deheb.
Barra minn hekk, K'inich Kan B'alam I beda proġetti ambizzjużi, inkluż il-Grupp tat-Tempju tas-Salib. Bis-saħħa ta' diversi xogħlijiet li nbdew taħt it-tmexxija tiegħu, issa għandna ritratti ta' dan ir-re, li nstabu f'diversi skulturi. Ħuh laħaq warajh u kompla bil-kostruzzjoni u bl-arti bl-istess entużjażmu, u wettaq ir-rikostruzzjoni u t-tkabbir tan-naħa tat-Tramuntana tal-Palazz. Grazzi għar-renju ta' dawn it-tliet rejiet, Palenque gawdiet seklu ta' tkabbir u ta' ġmiel.
Fis-711, Palenque nsterqet mir-renju ta' Toniná, u r-re anzjan K'inich K'an Joy Chitam II ttieħed bħala priġunier. Mhux magħruf x'kien id-destin finali tar-re, għalkemm x'aktarx ġie ġġustizzjat f'Toniná. Għal 10 snin ma kien hemm l-ebda re. Finalment, K'inich Ahkal Mo' Nab' III ġie inkurunat fis-722. Għalkemm ir-re l-ġdid kien parti mill-familja rjali, ma hemmx evidenza li kien eredi dirett ta' K'inich K'an Joy Chitam II. Jingħad għaldaqstant li l-inkurunazzjoni tiegħu kienet waqfa fil-linja dinastika, u x'aktarx li K'inich Ahkal Nab' wasal għall-poter wara snin ta' mmanuvrar u tiswir ta' alleanzi politiċi. Dan ir-re, ibnu u n-neputi tiegħu rrenjaw sal-aħħar tas-seklu 8. Ma tantx nafu wisq dwar dan il-perjodu, għajr li fost avvenimenti oħra, il-gwerra kontra Toniná kompliet, u nstabu ġeroglifiċi li jsemmu telfa ġdida ta' Palenque.
Okkażjonalment il-mexxejja tal-belt-stat kienu jkunu nisa. Is-Sinjura Sak K'uk' irrenjat f'Palenque għal mill-inqas tliet snin mis-612 W.K., qabel ma għaddiet it-tron lil binha. Madankollu, dawn il-mexxejja nisa kienu jingħataw attributi ta' rġiel. B'hekk, dawn in-nisa kienu jkunu iktar maskili u kienu jaqdu rwoli li tipikament kienu jkunu tal-irġiel.[13]
Matul is-seklu 8, B'aakal kulma jmur esperjenzat diffikultajiet kbar, bl-istess mod bħall-biċċa l-kbira ta' bliet-stati Klassiċi oħra tal-Maja, u ma kien hemm l-ebda kostruzzjoni tal-elit fiċ-ċentru ċerimonjali wara t-800. Popolazzjoni agrikola kompliet tgħix hemmhekk għal xi ġenerazzjonijiet, u mbagħad is-sit ġie abbandunat u bil-mod il-mod inħakemm mill-foresta. Id-distett ma tantx kien popolat meta l-Ispanjoli waslu fis-snin 20 tas-seklu 16.
Il-Belt Pre-Ispanika u l-Park Nazzjonali ta' Palenque ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[14]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[14]
Dawn li ġejjin huma l-iktar strutturi importanti f'Palenque.
Il-kostruzzjoni tat-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa x'aktarx li bdiet saħansitra fis-675 bħala l-monument funebri ta' Hanab-Pakal.[15] It-tempju fih it-tieni l-itwal test glifiku magħruf mid-dinja tal-Maja (l-itwal test jinsab fit-Taraġ Ġeroglifiku f'Copan). It-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa jirreġistra madwar 180 sena tal-istorja tal-belt mir-raba' sat-tnax-il K'atun. Il-qofol tar-rakkont jirreġistra r-ritwali ta' tmiem il-K'atun ta' K'inich Janaab' Pakal, iffukat fuq l-ikoni tad-divinitajiet patruni tal-belt magħrufa prożajkament b'mod kollettiv bħala t-Trijade ta' Palenque jew b'mod individwali bħala GI, GII u GIII.[16]
Il-Piramida hija wiesgħa 60 metru, fonda 42.5 metru u għolja 27.2 metru. It-tempju tal-quċċata hija wiesgħa 25.5 metru, fonda 10.5 metri u għolja 11.4-il metru. L-ikbar ġebliet jiżnu bejn 12-il tunnellata u 15-il tunnellata. Dawn kienu jinsabu fil-quċċata tal-Piramida. Il-volum totali tal-Piramida u tat-tempju jammonta għal 32,500 metru kubu.[17]
Fl-1952 Alberto Ruz Lhuillier neħħa tavla tal-ġebel mill-art tal-kamra ta' wara tat-tempju u żvela passaġġ (li mtela ftit qabel ma l-belt ġiet abbandunata u nfetaħ mill-ġdid mill-arkeologi) li permezz ta' taraġ twil iwassal sal-qabar ta' Pakal. Il-qabar innifsu huwa notevoli għas-sarkofagu l-kbir imnaqqax, għall-ornamenti rikki li jakkumpanjaw lil Pakal, u għall-iskultura tal-istukko li żżejjen il-ħitan tal-qabar. Xi ħaġa unika tal-qabar ta' Pakal huwa l-psikodott, li jitla' mill-qabar stess, jitla' t-taraġ u jgħaddi minn toqba fil-ġebel li tgħatti d-daħla tal-qaber. Dan il-psikodott x'aktarx huwa referenza fiżika għal kunċetti dwar it-tluq tar-ruħ fil-mument tal-mewt fl-eskatoloġija tal-Maja, fejn fil-kitbiet imnaqqxa tintuża l-frażi ochb'ihaj sak ik'il (beda t-triq bajda u wiesgħa) b'referenza għat-tluq tar-ruħ. Sejba bħal din hija tassew importanti għaliex għall-ewwel darba turi li l-użu tat-tempju ma kienx uniku. Dawn il-piramidi għall-ewwel darba ġew identifikati bħala tempji kif ukoll bħala strutturi funebri.
L-ikonografija tant diskussa tal-għatu tas-sarkofagu turi lil Pakal bħala wieħed mill-manifestazzjonijiet tal-alla tal-qamħirrum tal-Maja ħiereġ mill-morsa tad-dinja ta' wara l-mewt.[18]
It-tempju għandu wkoll struttura ta' kanal li għadha ma ġietx mifhuma għalkollox mill-arkeologi. Ġie ssuġġerit li l-kanal jallinja mas-solstizju tax-xitwa u li x-xemx tiżreġ 'l isfel fuq il-qabar ta' Pakal.
It-Tempju tas-Salib, it-Tempju tax-Xemx u t-Tempju tas-Salib tal-Weraq huma grupp ta' tempji grazzjużi fuq piramidi mtarrġin, u kull wieħed minnhom għandu riljiev imnaqqax b'mod elaborat fil-kompartiment intern b'żewġ figuri li jippreżentaw oġġetti ritwali u effiġji lil ikona ċentrali. Interpretazzjonijiet iktar bikrin kienu argumentaw li l-figura ż-żgħira kienet dik ta' K'inich Janaab' Pakal filwaqt li l-figura l-kbira kienet dik ta' K'inich Kan B'ahlam. Madankollu, abbażi ta' fehim aħjar tal-ikonografija u tal-epigrafija issa nafu li t-tavla ċentrali turi żewġ xbihat ta' Kan B'ahlam. Il-figura ż-żgħira turi lil K'inich Kan B'ahlam matul ritwal tal-età ta' sitt snin filwaqt li l-figura l-kbira turih jieħu t-tron tal-età ta' 48 sena. Dawn it-tempji ssemmew minn esploraturi bikrin; l-immaġnijiet qishom slaleb fi tnejn mir-riljievi effettivament juru s-siġra tal-ħolqien fiċ-ċentru tad-dinja fil-mitoloġija tal-Maja.[19]
Il-Palazz, kumpless ta' diversi binjiet u btieħi konnessi u biswit xulxin, inbena minn diversi ġenerazzjonijiet fuq terrazza artifiċjali wiesgħa matul is-seklu 4. Il-Palazz intuża mill-aristokrazija tal-Maja għal funzjonijiet burokratiċi, għad-divertiment u għaċ-ċerimonji ritwalistiċi. Il-Palazz jinsab fiċ-ċentru tal-belt antika.
Fi ħdan il-Palazz hemm bosta skulturi u tinqix ta' bassoriljievi li ġew ikkonservati. L-iżjed karatteristika mhux tas-soltu u li tintgħaraf huwa t-torri ta' erba' sulari magħruf bħala t-Torri ta' Osservazzjoni. Bħal ħafna binjiet oħra fis-sit għandu saqaf qisu mansarda. L-arkata ppuntata b'għamla tal-ittra A huwa motiv arkitettoniku osservat fil-kumpless kollu. Dawn it-tip ta' arkati jirrikjedu ammont kbir ta' mases tal-ġebel u huma limitati għal porzjon dimensjonali żgħir ta' wisa' għall-għoli jipprovdu s-soqfa għoljin karatteristiċi u l-passaġġi dojoq. Il-Palazz kien mgħammar b'diversi banjijiet u sawni kbar fornuti bl-ilma ħelu permezz ta' sistema elaborata tal-ilma. Akkwedott mibni minn blokok kbar tal-ġebel b'volta għolja ta' tliet metri, jiddevja l-fluss tax-xmara Otulum biex jgħaddi minn taħt il-pjazza prinċipali. Il-Palazz huwa l-ikbar kumpless ta' binjiet f'Palenque b'bażi ta' 97 metru bi 73 metru.
Is-sit fih ukoll għadd ta' tempji, oqbra u residenzi tal-elit oħra, uħud minnhom 'il bogħod sew miċ-ċentru tas-sit, spazju miftuħ għal-logħba tal-ballun Mesoamerikana, u pont tal-ġebel interessanti fuq ix-xmara Otulum taħt l-akkwedott.
Wara r-rakkont fil-qosor ta' de la Nada rigward il-fdalijiet, ma ngħataw l-ebda attenzjoni qabel l-1773 meta Don Ramon de Ordoñez y Aguilar eżamina lil Palenque u bagħat rapport lill-Kaptan Ġeneral f'Antigua Guatemala, imbagħad sar eżami ulterjuri fl-1784 fejn intqal li l-fdalijiet kienu ta' interess partikolari, u b'hekk sentejn wara l-arkitett Antonio Bernasconi ntbagħat flimkien ma' forza militari żgħira taħt il-Kurunell Antonio del Río biex jeżamina s-sit iktar fid-dettall. Il-forza ta' Del Rio kissret diversi ħitan biex tara x'tista' ssib u kkawżat ħsara konsiderevoli lill-Palazz, filwaqt li Bernasconi għamel l-ewwel mappa tas-sit u pinġa wkoll kopji ta' wħud mill-bassoriljievi u mill-iskulturi. Luciano Castañeda għamel iktar tpinġijiet fl-1807, u fl-1822 ġie ppubblikat f'Londra l-ktieb dwar Palenque, Descriptions of the Ruins of an Ancient City, discovered near Palenque, ibbażat fuq ir-rapporti ta' dawk l-aħħar żewġ spedizzjonijiet flimkien mat-tinqix abbażi tat-tpinġijiet ta' Bernasconi u ta' Castañedas; żewġ pubblikazzjonijiet oħra fl-1834 kien fihom deskrizzjonijiet u tpinġijiet dwar l-istess sorsi.
Juan Galindo żar Palenque fl-1831, u bagħat rapport lill-gvern tal-Amerka Ċentrali. Huwa kien l-ewwel wieħed li nnota li l-figuri fl-arti antika ta' Palenque kienu qishom l-Amerikani Nattivi lokali; xi esploraturi bikrin oħra, anke snin wara, attribwew is-sit saħansitra lil popli distanti bħall-Eġizzjani, il-Polineżjani jew it-Tribujiet Mitlufa ta' Iżrael.
Fl-1832 Jean Frederic Waldeck qatta' sentejn f'Palenque u għamel diversi tpinġijiet, iżda l-biċċa l-kbira tax-xogħol tiegħu ma ġiex ippubblikat qabel l-1866. Sadanittant, fl-1840 Patrick Walker u Herbert Caddy żaru s-sit fuq missjoni tal-gvernatur tal-Ħonduras Brittantika, u mbagħad żaruh John Lloyd Stephens u Frederick Catherwood li ppubblikaw rakkont bl-illustrazzjonijiet is-sena ta' wara li kien superjuri ferm għar-rakkonti preċedenti dwar il-fdalijiet.
Désiré Charnay ħa l-ewwel ritratti ta' Palenque fl-1858, u reġa' lura fl-1881-1882. Alfred Maudslay rama tinda fil-fdalijiet fl-1890-1891 u ħa ritratti estensivi tal-arti u tal-kitbiet imnaqqxa kollha li seta' jsib, u għamel forom tal-karti u tal-ġibs ta' ħafna mill-kitbiet imnaqqxa, kif ukoll mapep u tpinġijiet dettaljati, u stabbilixxa standard għoli għall-investigaturi kollha l-oħra tal-ġejjieni. Maudslay tgħallem it-teknika tal-produzzjoni tal-forom tal-kartapesta mill-Franċiż Desire Charnay u applikaha fuq l-iskulturi.
Diversi spedizzjonijiet oħra żaru l-fdalijiet qabel Frans Blom tal-Università ta' Tulane fl-1923, li fassal mapep superjuri kemm tas-sit ewlieni kif ukoll ta' diversi fdalijiet periferiċi li qabel kienu ġew injorati, u bagħat rapport lill-gvern Messikan dwar rakkomandazzjonijiet rigward xogħol li seta' jsir biex il-fdalijiet jiġu ppreservati.
Mill-1949 sal-1952 Alberto Ruz Lhuillier issorvelja l-iskavi u l-konsolidazzjonijiet tas-sit għall-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja (INAH) tal-Messiku; kien Ruz Lhuillier l-ewwel persuna li ra l-qabar ta' Pakal il-Kbir wara elf sena. Ruz ħadem għal erba' snin fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa qabel ma skopra l-qabar. Iktar xogħol tal-INAH sar minn Jorge Acosta fis-snin 70 tas-seklu 20.
Fl-1973, l-ewwel waħda mill-konferenzi produttivi ħafna dwar Palenque magħrufa bħala Mesa Redonda saret f'Palenque stess bis-saħħa tal-ispirazzjoni ta' Merle Greene Robertson; minn dik is-sena 'l quddiem kull ftit snin studjużi ewlenin tal-Maja baqgħu jiltaqgħu f'Palenque biex jiddiskutu u jeżaminaw is-sejbiet ġodda fil-post. Sadanittant, Robertson kien qed iwettaq eżami dettaljat tal-arti kollha f'Palenque, inkluż ir-reġistrazzjoni tat-traċċi kollha ta' kulur fuq l-iskulturi.
Fis-snin 70 tas-seklu 20 inbena wkoll mużew żgħir fis-sit.
Fl-aħħar 15 jew 20 sena, ferm iktar mis-sit ġie skavat, iżda attwalment l-arkeologi jistmaw li 5 % biss tal-belt kollha ġiet skavata.
Fl-2010, ir-riċerkaturi tal-Università Statali ta' Pennsylvania, Christopher Duffy u Kirk French, identifikaw l-Akkwedott ta' Piedras Bolas bħala akkwedott li jaħdem bil-pressa, li huwa l-iżjed wieħed bikri magħruf fid-Dinja l-Ġdida. Huwa akkwedott alimentat minn fawwara li jinsab fuq art wieqfa u li għandu żbokk ristrett li jikkawża l-ilma joħroġ bilfors, bil-pressa, sa għoli ta' sitt metri (20 pied). Ma rnexxielhomx jidentifikaw l-użu ta' din l-opra magħmula mill-bniedem.[20]
F'Ġunju 2022, l-arkeologi mill-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja (INAH) tal-Messiku ħabbru l-iskoperta ta' statwa b'ras tal-ġibs twila disa' pulzieri ta' 1,300 sena li tindika lil Hun Hunahpu ta' età żgħira, l-alla mitoloġiku tal-qamħirrum tal-Maja. Il-qatgħa xagħar nofsha mqaxxra tal-figura li qisha l-qamħirrum misjur tagħti x'tifhem li jaf hija proprja tal-alla tal-qamħirrum. Ir-riċerkaturi jassumu li l-abitanti Maja ta' Palenque x'aktarx poġġew statwetta kbira tal-ġebel fuq għadira biex jirrappreżentaw id-daħla lejn id-dinja ta' wara l-mewt. Skont l-arkeologu Arnoldo González Cruz, il-poplu tal-Maja simbolikament għalqu l-għadira billi kissru ftit mill-ġibs u poġġew fdalijiet tal-annimali, inkluż frammenti tal-fuħħar, fdalijiet tal-għadam imnaqqxa, qxur, ponot tal-vleġeġ tal-ossidjana, żibeġ, ħxejjex u oħrajn.[21][22]
Il-Park Nazzjonali ta' Palenque ġie ddeżinjat fl-1981 mill-gvern Messikan. Ikopri erja ta' 17.72 km2, li tinkorpora l-belt antika u l-għoljiet fin-Nofsinhar. Il-park jinkludi sit ta' kampeġġi għall-familja.[23]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.