belt u sit arkeoloġiku fil-Libanu From Wikipedia, the free encyclopedia
Tyre (/ˈtaɪər/; bl-Għarbi: صُور, b'ittri Rumani: Ṣūr; bil-Feniċju: 𐤑𐤓, b'ittri Rumani: Ṣūr; bil-Grieg: Τύρος, trażlitterata Týros) hija belt fil-Libanu, waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja,[1] għalkemm fil-Medju Evu għal xi sekli b'popolazzjoni ċkejkna biss. Kienet waħda mill-iżjed metropoli Feniċi bikrin u l-post leġġendarju fejn twieldu d-divinità Ewropa, l-aħwa tagħha Cadmus u Phoenix, kif ukoll il-fundatriċi ta' Kartaġni Dido (Elissa). Il-belt għandha bosta siti tal-qedem, fosthom l-Ippodromu ta' Tyre, u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[2] L-istoriku Ernest Renan innota li "Wieħed jista' jsejjaħ lil Tyre bħala belt ta' fdalijiet, mibnija mill-fdalijiet".[3][4]
Tyre | |
---|---|
Libanu | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Libanu |
Governorate of Lebanon | Governorat tan-Nofsinhar |
District of Lebanon | Distrett ta' Tyre |
Isem uffiċjali | صور |
Ismijiet oriġinali | صور |
Ġeografija | |
Koordinati | 33.27°N 35.2°E |
Superfiċjenti | 5 kilometru kwadru |
Għoli | 10 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 160,000 abitanti (2018) |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 2750 "BCE" |
Żona tal-Ħin | UTC+2u UTC+3 |
bliet ġemellati | Alġiers, Dezful, Málaga, Perpignan, Tuneż, Perpignan Méditerranée Métropoleu Novorossiysk |
tyremunicipality.com |
Illum il-ġurnata Tyre hija r-raba' l-ikbar belt fil-Libanu wara Bejrut, Tripoli u Sidon.[5] Hija l-belt kapitali tad-Distrett ta' Tyre fil-Governorat tan-Nofsinhar. Bejn wieħed u ieħor kienu jgħixu 200,000 abitant fiż-żona urbana ta' Tyre fl-2016, inkluż bosta refuġjati, peress li l-belt tospita tlieta mit-tnax-il kamp tar-refuġjati Palestinjani fil-Libanu: Burj El Shimali, El Buss u Rashidieh.[6]
Tyre toħroġ 'il barra mill-kosta tal-Baħar Mediterran u tinsab madwar 80 kilometru (50 mil) fin-Nofsinhar ta' Bejrut. Oriġinarjament kienet tikkonsisti minn żewġ ċentri urbani distinti: Tyre stess, li kienet tinsab fuq gżira xi 500 sa 700 metru lil hinn mill-kosta, u l-insedjament assoċjat ta' Ushu fuq l-art kontinentali biswita, li iktar 'il quddiem ġie msejjaħ Palaetyrus, li tfisser "Tyre l-Antika" bil-Grieg Antik.[7] Il-belt iffortifikata kienet tinsab fil-quċċata ta' blata li minnha wirtet l-isem peress li "S‘r" hija l-kelma Feniċja għal "blata". Kellha żewġ portijiet, il-"port Sidonjan" fit-Tramuntana, li għadu jeżisti parzjalment illum, u l-"port Eġizzjan" fin-Nofsinhar li x'aktarx li ġie skopert reċentement sew.[8]
Matul l-istorja minn żminijiet preistoriċi 'l quddiem, l-insedjamenti kollha fl-inħawi ta' Tyre gawdew mill-abbundanza ta' provvisti tal-ilma tajjeb għax-xorb, speċjalment mill-għejun fil-qrib ta' Rashidieh u ta' Ras Al Ain fin-Nofsinhar. Barra minn hekk, hemm l-għejun ta' Al Bagbog u ta' Ain Ebreen fit-Tramuntana, kif ukoll ix-xmara Litani, magħrufa wkoll bħala Alqasymieh. Il-belt attwali ta' Tyre tkopri parti kbira mill-gżira oriġinali u kibret u tiksi l-biċċa l-kbira tal-ħandaq tal-gżira pproġettat minn Alessandru Manju fit-332 Q.K. Dan l-istmu kiber ferm bħala wisa' matul is-sekli minħabba d-depożiti estensivi li nġemgħu fuq kull naħa. Il-parti tal-gżira oriġinali mhux miksija mill-belt moderna ta' Tyre hija fil-biċċa l-kbira sit arkeoloġiku li joħroġ fid-dieher il-fdalijiet tal-belt minn żmien il-qedem.
Erba' muniċipalitajiet jikkontribwixxu għaż-żona mibnija ta' 16.7 km2 tal-belt ta' Tyre, għalkemm l-ebda waħda mhi inkluża kollha kemm hi: il-muniċipalità ta' Sour fiha l-qalba tal-belt, u teskludi r-Riżerva Naturali Kostali; il-muniċipalità ta' Burj El Shimali lejn il-Lvant mingħajr artijiet agrikoli mhux popolati; il-muniċipalità ta' Abbasiyet Sour fit-Tramuntana mingħajr artijiet agrikoli u b'villaġġ maqtugħ għalih; u l-muniċipalità ta' Ain Baal lejn ix-Xlokk, ukoll mingħajr artijiet agrikoli u b'villaġġi maqtugħin għalihom. Iż-żona urbana ta' Tyre tinsab fi pjanura kostali għammiela, u dan jispjega l-fatt li sal-2017 madwar 44 % tat-territorju tal-belt kien jintuża għall-agrikoltura intraurbana, filwaqt li l-art mibnija kienet tikkostitwixxi iktar minn 40 %.
Bħala ġeomorfoloġija u sismiċità, Tyre tinsab qrib il-Qasma ta' Roum u l-Qasma ta' Yammouneh. Għalkemm ġarrbet għadd ta' terremoti devastanti tul il-millenji, il-livell ta' theddid jitqies li huwa baxx fil-biċċa l-kbira tal-postijiet u moderat f'postijiet oħra. Madankollu, tsunami wara terremot u ċedimenti sussegwenti tal-art u għargħar jirrappreżentaw riskji naturali ewlenin għall-popolazzjoni ta' Tyre.
Huwa stmat li hemm riżervi enormi tal-gass naturali taħt l-ilmijiet Libaniżi, il-biċċa l-kbira tagħhom lil hinn mill-kosta ta' Tyre, iżda l-isfruttament ġie mdewwem minħabba diżgwidi fil-fruntiera ma' Iżrael.[9]
Fost l-ismijiet bikrin ta' Tyre kien hemm Ṣurru bl-Akkadjan, Ṣūr (𐤑𐤓) bil-Feniċju, u Ṣōr (צוֹר) bl-Ebrajk. Bil-lingwi Semitiċi, isem il-belt ifisser "blata", b'referenza għall-formazzjoni tal-blat li fuqha nbniet oriġinarjament il-belt.
L-isem predominanti bil-Grieg Klassiku kien Týros (Τύρος), li tfaċċa għall-ewwel darba fix-xogħlijiet ta' Erodotu iżda jaf kien ġie adottat ferm qabel. Dan irriżulta għall-isem bil-Latin Tyrus, li mbagħad irriżulta bil-Malti, bl-Ingliż u b'diversi lingwi oħra bħala Tyre.
Tyre għandha klima Mediterranja sħuna (ikklassifikata bħala Csa skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), ikkaratterizzata minn sitt xhur ta' nixfa minn Mejju sa Ottubru. Bħala medja, ikollha 300 jum ta' xemx fis-sena u temperatura annwali ta' 20.8°C. It-temperatura massima medja tilħaq l-eqqel tagħha, jiġifieri 30.8 °C f'Awwissu u t-temperatura minima medja tinżel l-iktar għal 10 °C f'Jannar. Bħala medja, il-preċipitazzjoni annwali medja tlaħħaq sa 645 millimetru. It-temperatura tal-ilma baħar tilħaq minimu ta' 17 °C fi Frar u massimu ta' 32 °C f'Awwissu. F'fond ta' 70 metru t-temperatura tkun kostantement 17–18 °C.
Sadanittant, iż-żieda fil-livelli tal-baħar minħabba t-tisħin globali qed thedded bl-erożjoni kostali fil-peniżola u ż-żoni tal-bajjiet ta' Tyre.
Il-belt tal-qedem ta' Tyre tinsab tul il-kosta tal-Feniċja fil-Libanu modern. Is-sit ilu okkupat minn Żmien il-Bronż. Il-belt saret belt-stat prominenti tal-Feniċi bejn is-sekli 9 u 6 Q.K., u ġew insedjati kolonji prestiġjużi madwar il-Baħar Mediterran, bħal Kartaġni u Leptis Magna. Sfat taħt it-tmexxija Persjana fil-572 Q.K., qabel ma nħakmet minn Alessandru Manju fit-332 Q.K. Il-fdalijiet arkeoloġiċi monumentali li jmorru lura għall-perjodi Elleniċi, Rumani, Biżantini u Medjevali wasslu biex Tyre titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.
L-istoriku Ruman Justin kiteb li l-fundaturi oriġinali waslu mill-belt fil-qrib ta' Sidon bit-tir li jistabbilixxu port ġdid. L-istoriku Grieg famuż Erodotu (għall-ħabta tal-484-425 Q.K.), li twieled fil-belt ta' Halicarnassus, żar Tyre għall-ħabta tal-450 Q.K. fi tmiem il-Gwerer bejn il-Greċja u l-Persja (499-449 Q.K.), u kiteb fl-Istorji tiegħu li skont il-patrijiet ta' hemmhekk, il-belt ġiet stabbilita 2,300 sena qabel (għall-ħabta tal-2750 Q.K.), bħala post imdawwar bi swar fuq l-art kontinentali ewlenija, issa magħruf bħala Paleotyre (Tyre tal-Qedem).
In-network kummerċjali internazzjoni tal-Feniċi ta' Tyre kien ibbażat fuq iż-żewġ portijiet tagħha li jissemmew mill-kittieba tal-qedem (Arrian, Anabasis, 2, 24; Strabo, Ġeografija, 16,2,23). Il-port tat-Tramuntana nfetaħ lejn il-belt Feniċja ta' Sidon u għaldaqstant issejjaħ bħala l-"Port Sidonjan", għalkemm l-isem huwa qarrieqi. Il-port tan-Nofsinhar infetaħ lejn l-Eġittu u ssejjaħ bħala l-"Port Eġizzjan". Il-pożizzjoni taż-żewġ portijiet kienet soġġetta għal bosta spekulazzjonijiet mis-seklu 17. L-iskavi taħt il-baħar ta' breakwater kbir tas-sekli 4-6 Q.K. fit-Tramuntana tal-belt, u l-iskoperta ta' sedimenti tal-port tal-250 Q.K. sal-500 W.K. wara dan il-breakwater urew kemm-il darba l-eżistenza ta' port fit-Tramuntana, jekk mhux b'mod permanenti, tul l-Antikità taħt il-port modern ta' Tyre.
Il-pożizzjoni tal-port tan-Nofsinhar hija iktar mistura. Renan (1864-1874) kien tal-fehma li kienet struttura estensiva li issa tinsab lil hinn mill-kosta, fin-Nofsinhar tal-eks gżira. Stħarriġiet sussegwenti taħt il-baħar permezz tal-għadis identifikaw strutturi magħmul mill-bniedem li issa jinsabu taħt il-baħar madwar 150 metru mill-eks gżira. Antoine Poidebard, li kien l-ewwel wieħed li ordna lil xi bugħaddasa jesplorawhom fl-1939, f'dawn l-istrutturi ra breakwaters preċedenti li kienu ta' lqugħ għall-port b'żewġ daħliet. Iż-żona ġeografika fi ħdan dawn l-istrutturi għaldaqstant spiss tissejjaħ il-"Port tan-Nofsinhar". Dawn l-istrutturi ġew interpretati (ħażin) ukoll bħala żona mtajna li kienet tospita distrett urban (El-Amouri et al., 2005; Frost, 1971; Renan, 1864-1874). Madankollu, il-breakwater Feniċju prinċipali tal-port tan-Nofsinhar x'aktarx li ġie skopert pjuttost reċentement.
L-iżvilupp ta' Tyre ġie affettwat ferm mill-kostruzzjoni ta' ħandaq minn Alessandru Manju fit-332 Q.K. biex jaħtaf il-belt. Dan il-ħandaq li jingħad li kien twil 750 metru u wiesa' 60 metru nbena fuq art taħt il-baħar li kienet fonda inqas minn 5.4 metri. Din l-art ġiet interpretata bħala xatt tar-ramel, li ġie ffurmat bir-ramel li nġema' fin-Nofsinhar tal-gżira, bl-effetti tar-refrazzjoni u tad-diffrazzjoni tal-mewġ madwar il-gżira. Il-ħandaq interrompa t-trasport tar-ramel tul ix-xatt, u b'hekk ir-ramel kien jakkumula tul il-ħandaq, u f'qasir żmien ħoloq istmu tar-ramel 'il fuq mil-livell tal-baħar, li kkollega l-gżira mal-art kontinentali.
Dan l-istmu tar-ramel malajr kiber matul is-sekli wara l-kostruzzjoni tal-ħandaq. Sal-bidu taż-żmien l-Imperu Ruman, inbnew binjiet monumentali fuq il-biċċa l-kbira tal-wiċċ tiegħu. Il-konfigurazzjoni tagħhom timplika li l-istmu sa dak iż-żmien kien wiesa' kważi daqs kemm hu llum il-ġurnata. Għaldaqstant, l-istmu kien sawwar għalkollox il-kosta tal-Lvant tal-gżira ta' Tyre fi żmien 3-4 sekli wara l-kostruzzjoni tal-ħandaq, u dan xpruna trasformazzjoni radikali fil-belt.
Tyre ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Il-belt ta' Tyre tissemma f'bosta tradizzjonijiet Bibbliċi:
Tyre hija ġemellata ma':
Reġjun strutturat b'diversi ċrieki fuq Ewropa, l-iżgħar wieħed mill-erba' qmura Galileani li jorbitaw ma' Ġove, jissejjaħ bl-istess isem ta' Tyre, il-post tat-twelid leġġendarju tal-prinċipessa Ewropa. Oriġinarjament imsejjaħ "Tyre Macula", għandu dijametru ta' xi 140 kilometru (madwar id-daqs tal-gżira ta' Hawaii) u huwa maħsub li huwa s-sit fejn asterojde jew kometa ħabtet mal-qoxra tas-silġ ta' Ewropa.
L-asterojde 209 Dido ngħatat l-istess isem tal-prinċipessa leġġendarja ta' Tyre u ta' Kartaġni. Din hija asterojde ewlenija tassew kbira, ikklassifikat bħala asterojde tat-tip Ċ li x'aktarx hija magħmula minn materjali tal-karbonju. L-asterojde 209 Dido ġiet skoperta fl-1879 minn C. H. F. Peters.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.