Muhammad al-Idrisi
ġeografu Għarbi (1100-1165) From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Muħammad al-Idrisi jew Muħammed l-Idrisi jew Abu Għabdalla Muħammed l-Idrisi l-Qurtubi l-Ħasani s-Sabti, jew sempliċement al-Idrisi jew l-Idrisi (pronunzja: /æl.ɪd'riːsiː/; bl-Għarbi: أبو عبد الله محمد الإدريسي القرطبي الحسني السبتي, Abu Għabdullah Muħammad al-Idrīsī al-Qurṭubī al-Ħasanī as-Sabtī; bil-Latin: Dreses; 1100-1165), kien ġeografu u kartografu Musulman li qeda dmiru fil-qorti tar-Re Ruġġieru II f'Palermo, Sqallija, l-Italja. Muhammed al-Idrisi twieled f'Ceuta, li dak iż-żmien kienet proprjetà tad-dinastija Almoravida. Huwa ħoloq it-Tabula Rogeriana, waħda mill-iżjed mapep dinjin Medjevali avvanzati.
Remove ads
Ħajja bikrija
Al-Idrisi twieled bħala membru tad-dinastija Ħammudida tat-Tramuntana tal-Afrika u Al-Andalus, u kien dixxendent tal-profeta Muħammed permezz tad-dinastija Idrisida Xiita setgħana.[1] Huwa maħsub li Al-Idrisi twieled fil-belt ta' Ceuta fl-1100, li dak iż-żmien kienet ikkontrollata mill-Almoravidi, fejn bużnannuh kien ġie mġiegħel jgħix wara l-waqgħa ta' Málaga Ħammudida kontra ż-Żiridi ta' Granada.[2] Huwa qatta' l-biċċa l-kbira tal-ħajja bikrija tiegħu jivvjaġġa fit-Tramuntana tal-Afrika u f'Al-Andalus (Spanja u l-Portugall Musulmani ta' dak iż-żmien) u milli jidher kiseb tagħrif dettaljat dwar iż-żewġ reġjuni. Huwa żar l-Anatolja meta bil-kemm kellu 16-il sena. Huwa studja fl-università f'Córdoba.[3] Il-vjaġġi tiegħu ħaduh lejn bosta partijiet tal-Ewropa, fosthom il-Portugall, il-Pirinej, il-kosta Atlantika Franċiża, l-Ungerija u Jórvík (issa magħrufa bħala York).
Remove ads
Tabula Rogeriana
Minħabba l-kunflitt u n-nuqqas ta' stabbilità f'Al-Andalus, al-Idrisi ngħaqad ma' kontemporanji bħal Abu al-Salt fi Sqallija, fejn in-Normanni kienu għelbu lill-Għarab li qabel kienu leali għal-Fatimidi.
Al-Idrisi inkorpora l-għarfien tal-Afrika, l-Oċean Indjan u l-Lvant Imbiegħed miġbura mill-merkanti u mill-esploraturi Iżlamiċi u rreġistrat fuq il-mapep Iżlamiċi bit-tagħrif imwassal mill-vjaġġaturi Normanni biex joħloq l-iżjed mappa akkurata tad-dinja fiż-żminijiet premoderni,[4] li serviet bħala illustrazzjoni konkreta tal-Kitab nuzhat al-mushtaq tiegħu (bil-Latin: Opus Geographicum), li jista' jiġi tradott bħala Strument għal Min Jixtieq Jivvjaġġa lejn Postijiet Imbiegħda.[5]
It-Tabula Rogeriana tfasslet minn al-Idrisi fl-1154 għar-Re Normann Ruġġieru II ta' Sqallija, wara soġġorn ta' tmintax-il sena fil-qorti tiegħu, fejn ħadem fuq il-kummentarji u l-illustrazzjonijiet tal-mappa. Il-mappa, b'leġġendi miktuba bl-Għarbi, filwaqt li turi l-kontinent Ewroasjatiku kollu, turi biss il-parti tat-Tramuntana tal-kontinent Afrikan u ma fihiex dettalji tal-Qarn tal-Afrika u tax-Xlokk tal-Asja.[6]
Ġiet inċiża fuq diska enormi tal-fidda mastizz b'dijametru ta' żewġ metri għal Ruġġieru.
Rigward ix-xogħol ġeografiku ta' al-Idrisi, S.P. Scott fl-1904 kiteb:[4]
Il-kompilazzjoni ta' al-Idrisi timmarka era fl-istorja tax-xjenza. L-informazzjoni storika tagħha mhux biss hija tassew interessanti u siewja, talli d-deskrizzjonijiet tagħha ta' bosta partijiet tad-Dinja għadhom awtoritattivi. Għal tliet sekli sħaħ il-ġeografi kkopjaw il-mapep tiegħu mingħajr l-ebda alterazzjoni. Il-pożizzjoni relattiva tal-lagi li jiffurmaw in-Nil, kif muri fix-xogħol tiegħu, ma tantx tvarja minn dik stabbilita minn Baker u Stanley iktar minn seba' mitt sena wara, u l-għadd tagħhom huwa l-istess. Il-ġenju mekkaniku tal-awtur ma kienx inferjuri għall-għarfien tiegħu. Il-planisfera terrestri u tas-smewwiet tal-fidda li bena għall-patrun irjali tiegħu kellha dijametru ta' kważi sitt piedi, u kienet tiżen erba' mija u ħamsin libbra; fuq naħa minnhom hemm inċiżi ż-żodjaku u l-kostellazzjonijiet, u fuq in-naħa l-oħra, maqsuma għall-konvenjenza f'segmenti, hemm inċiżi l-korpi tal-art u tal-ilma, bil-pożizzjonijiet rispettivi tad-diversi pajjiżi. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Ix-xogħol ta' al-Idrisi influwenza għadd ta' studjużi Iżlamiċi, fosthom Ibn Sa'id al-Maghribi, Hafiz-i Abru u Ibn Khaldun, iżda x-xogħol tiegħu mhux magħruf fil-Punent tal-Ewropa u ma tant kellu influwenza fuq l-iżvilupp tal-kartografija Rinaxximentali.[7]
Deskrizzjoni tal-gżejjer fil-Baħar tat-Tramuntana

Al-Idrisi fit-Tabula Rogeriana famuża tiegħu semma lil Irlandah-al-Kabirah (l-Irlanda l-Kbira).[8] Skontu, "mill-estremità tal-Iżlanda sa dik tal-Irlanda l-Kbira", iż-żmien tat-tbaħħir kien "jum wieħed". Għalkemm l-istoriċi jinnotaw li kemm al-Idrisi kif ukoll in-Norveġiżi għandhom it-tendenza li jnaqqsu d-distanzi; l-uniku post li din ir-referenza x'aktarx li kienet qed talludi għalih kienet Greenland.[9]
Deskrizzjoni tal-kummerċ Ċiniż

Al-Idrisi semma li l-bastimenti Ċiniżi kienu jġorru l-ġlud, ix-xwabel, il-ħadid u l-ħarir. Huwa jsemmi l-oġġetti tal-ħġieġ tal-belt ta' Hangzhou u jiddeskrivi l-ħarir ta' Quanzhou bħala l-aqwa. Fir-rekords tiegħu tal-kummerċ Ċiniż, al-Idrisi kiteb ukoll dwar id-dinastija Silla (waħda mid-dinastiji storiċi tal-Korea, u sieħeb kummerċjali ewlieni taċ-Ċina ta' dak iż-żmien), u kien wieħed mill-ewwel Għarab li għamel dan. Ir-referenzi ta' al-Idrisi għad-dinastija Silla wasslu biex merkanti Għarab oħra jfittxu lid-dinastija Silla u l-kummerċ tagħhom, u kkontribwew għall-perċezzjoni ta' bosta Għarab rigward id-dinastija Silla bħala l-pajjiż Asjatiku-tal-Lvant ideali.
Remove ads
Nuzhat al-Mushtaq
Minbarra l-mapep, al-Idrisi pproduċa wkoll firxa ta' informazzjoni ġeografika bit-titlu Kitab nuzhat al-mushtaq fi'khtiraq al-'afaq. It-titlu ġie tradott bl-Ingliż bħala The book of pleasant journeys into faraway lands[10] (Il-ktieb tal-vjaġġi pjaċevoli lejn artijiet imbiegħda) jew The pleasure of him who longs to cross the horizons[11] (Il-gost ta' min jixtieq jaqsam l-orizzonti). Ġie ppreservat f'disa' manuskritti, u seba' minnhom fihom il-mapep.[12]
It-titlu tradott ta' dan ix-xogħol ("pleasure of him ...") attira kummenti favorevoli mit-tim li għażel listi ta' ismijiet għal karatteristiċi li kienu mistennija jiġu skoperti mis-sonda tal-Orizzonti Ġodda ta' stħarriġ tas-sistema ta' Plutone. L-Al-Idrisi Montes hija karatteristika ġeografika f'dik is-sistema li ssemmiet għalih.
Fl-introduzzjoni, al-Idrisi jsemmi żewġ sorsi għall-koordinati ġeografiċi: Claudius Tolomew u "astronomu" li x'aktarx li kien Ishaq ibn al-Hasan al-Zayyat; u jiddikjara li wettaq kontroverifika tar-rapporti bil-fomm ta' diversi informaturi biex jara li l-koordinati ġeografiċi kienu konsistenti.
Pubblikazzjoni u traduzzjoni
Verżjoni mqassra tat-test bl-Għarbi ġiet ippubblikata f'Ruma fl-1592 bit-titlu: De geographia universali jew Kitāb Nuzhat al-mushtāq fī dhikr al-amṣār wa-al-aqṭār wa-al-buldān wa-al-juzur wa-al-madā’ in wa-al-āfāq li bil-Malti tiġi Rikreazzjoni ta' min jixtieq iżur bliet, reġjuni, pajjiżi, gżejjer, bliet u artijiet imbiegħda.[13][14] Dan kien wieħed mill-ewwel kotba bl-Għarbi li qatt ġew stampati. L-ewwel traduzzjoni mill-oriġinal Għarbi kienet għal-Latin. Il-Maroniti Gabriel Sionita u Joannes Hesronita ttraduċew verżjoni mqassra tat-test li ġiet ippubblikata f'Pariġi fl-1619 bit-titlu ta' Geographia nubiensis.[15] Traduzzjoni kompluta tat-test bl-Għarbi ġiet ippubblikata biss lejn nofs is-seklu 19. Din kienet traduzzjoni bil-Franċiż minn Pierre Amédée Jaubert.[16] Iktar reċentement sezzjonijiet mit-test ġew tradotti għal reġjuni partikolari. Edizzjoni kritika tat-test komplut bl-Għarbi ġiet ippubblikata fl-1970.[17]
Kuntatt Andalusjan-Amerikan
It-test ġeografiku ta' al-Idrisi, Nuzhat al-Mushtaq, spiss jiġi kkwotat minn dawk li jħaddnu t-teoriji tal-kuntatt Andalusjan-Amerikan pre-Kolombjan. F'dan it-test, al-Idrisi kiteb dan li ġej dwar l-Oċean Atlantiku:[18]
Il-Kmandant tal-Musulmani Ali ibn Yusuf ibn Tashfin bagħat lill-ammirall tiegħu Ahmad ibn Umar, magħruf aħjar bħala Raqsh al-Auzz, biex jattakka gżira partikolari fl-Atlantiku, iżda miet qabel wettaq l-attakk. [...] Lil hinn minn dan l-oċean taċ-ċpar ħadd ma jaf x'hemm iktar. Ħadd ma għandu l-ebda ċertezza, għaliex diffiċli taqsam dan l-oċean. L-atmosfera tiegħu hija mċajpra, il-mewġ tiegħu huwa qawwi ħafna, fih bosta perikli, bestji terribbli, u rjieħ mimlijin tempesti. Hemm bosta gżejjer, uħud minnhom abitati, oħrajn taħt l-ilma. L-ebda navigatur qatt ma qasmu iżda minflok jibqa' qrib il-kosta. [...] Kien mill-belt ta' Liżbona li l-vjaġġaturi kienu jsalpaw bħala Mughamarin, jidħlu fl-oċean taċ-ċpar u riedu jkunu jafu x'kien fih u fejn kien jintemm. [...] Wara li kienu jbaħħru għal tnax-il jum oħra kienu jiltaqgħu ma' gżira li donnha kienet abitata, u fejn kien hemm raba' kkultivat. Huma kienu jbaħħru b'dan il-mod biex jaraw x'kien fih l-oċean. Iżda f'qasir żmien diversi opri tal-baħar daruhom u għamluhom priġunieri, u ttrasportawhom lejn raħal miżeru tul il-kosta. Huma żbarkaw hemmhekk. In-navigaturi hemmhekk raw nies twal b'ġilda ħamra; mingħajr wisq suf ma' ġisimhom, u b'xagħarhom lixx. In-nisa tagħhom kellhom sbuħija straordinarja.
Madankollu, din it-traduzzjoni tal-Professur Muhammad Hamidullah tqajjem xi dubji, peress li tirrapporta, wara li ntlaħqet żona ta' "ilmijiet inkallati u jwaħħlu", li l-Mugharrarin resqu lura u għall-ewwel waslu fi gżira diżabitata fejn sabu "kwantità kbira ta' nagħaġ, b'laħam xieref u li bil-kemm kien jittiekel", u mbagħad "reħewlha lejn in-Nofsinhar" u waslu fil-gżira msemmija hawn fuq fejn f'qasir żmien daruhom bastimenti oħra u ttieħdu lejn "villaġġ b'abitanti b'xagħarhom ċar u twil, b'nisa mill-isbaħ". Fost ir-raħħala, wieħed kien jitkellem bl-Għarbi u staqsihom minn fejn kienu. Imbagħad, ir-re tal-villaġġ ordnalhom jeħduhom lura lejn il-kontinent u baqgħu sorpriżi li ntlaqgħu minn Berberi.[19]
Apparti r-rapporti mħawrin u mill-isbaħ ta' din il-ġrajja, x'aktarx li l-iżjed interpretazzjoni probabbli hi li l-Mugharrarin waslu fil-Baħar ta' Sargasso, parti mill-oċean li kienet miksija bl-alka tal-baħar, qrib ħafna tal-Bermuda iżda elf mil 'il bogħod mill-art kontinentali Amerikana. Imbagħad, fit-triq lura, jaf żbarkaw fl-Ażores jew f'Madeira jew saħansitra fl-iżjed gżira tal-Punent tal-Gżejjer Kanarji, El Hierro (minħabba n-nagħaġ). Finalment, il-ġrajja tal-gżira diżabitata jaf seħħet f'Tenerife jew f'Gran Canaria, fejn il-Mugharrarin x'aktarx li ltaqgħu ma' membri tat-tribù tal-poplu Guanche. B'hekk wieħed jista' jifhem għaliex uħud kienu jitkellmu bl-Għarbi (xi kuntatti sporadiċi kienu nżammew bejn il-Gżejjer Kanarji u l-Marokk) u għaliex ġew deportati minnufih lejn il-Marokk fejn intlaqgħu mill-Berberi. Minkejja dan, il-ġrajja rrapportata minn al-Idrisi hija rendikont ċar ta' għarfien partikolari tal-Oċean Atlantiku li kellhom in-nies mill-Andalusija u mill-Marokk.
Barra minn hekk, al-Idrisi jikteb rendikont ta' tmien Mugharrarin mill-istess familja li jbaħħru minn Liżbona (Lashbuna) fl-ewwel nofs ta' dak is-seklu u baħħru fl-ibħra miksija bl-alka lil hinn mill-Ażores.[20]
Al-Idrisi jiddeskrivi gżira mimlija marguni li wħud jidentifikawha ma' Corvo, Cabo Verde iżda b'bażi batuta.[21]
Remove ads
Dizzjunarju mediku
Fost ix-xogħlijiet magħrufa inqas ta' al-Idrisi hemm dizzjunarju mediku li huwa kkompila fejn ħejja lista ta' drogi u pjanti sempliċi u l-effetti tal-fejqan tagħhom, li kienu jintużaw mit-tobba, mill-ispiżjara u mill-merkanti fi żmienu.[22] Il-lista hija unika, peress li tinkludi l-ismijiet tad-drogi b'saħansitra 12-il lingwa (fosthom l-Ispanjol, il-Berberu, il-Latin, il-Grieg u s-Sanskritu), inkluż xi sittin terminu bl-Ebrajk trażlitterati bl-Għarbi u li huwa maħsub li ngħaddewlu minn informaturi Lhud tal-Andalusija. Fl-aħħar tas-sezzjoni dwar il-ħxejjex mediċinali deskritti taħt kull ittra tal-alfabett, huwa jagħti indiċi tal-entrati tagħhom.[23] Wieħed mill-kotba dwar il-ħxejjex mediċinali kkwotat minn al-Idrisi huwa l-Kitāb al-Talḫīṣ ta' Marwan ibn Ganah,[24] li min-naħa tiegħu kien ġie influwenzat mit-tabib tal-Andalusija Ibn Juljul.[25]
Remove ads
Fil-kultura popolari
- Al-Idrisi huwa l-karattru prinċipali fil-ktieb ta' Tariq Ali bit-titlu Sultan f'Palermo.
- Al-Idrisi huwa karattru ewlieni fl-opra tal-1926 ta' Karol Szymanowski, Ir-Re Ruġġieru.
- Al-Idrisi huwa karattru sekondarju fir-rumanz ta' Zeyn Joukhadar, Il-Mappa tal-Melħ u tal-Istilel.[26]
- Fl-2019, il-Fondazzjoni Factum ħolqot interpretazzjoni tal-mappa dinjija ta' al-Idrisi, diska tal-fidda b'dijametru ta' żewġ metri bbażata fuq il-mapep li jinsabu fil-kopja tal-Librerija ta' Bodleian tan-Nuzhat al-Mushtaq.
Remove ads
Gallerija
- Another version, huge resolution
- Al-Idrisi's map of the Indian Ocean.
- Al-Idrisi's map of North West Persia what is modern day Iranian Azerbaijan and the Caspian Sea.
- Al-Idrisi's map of the northern shoreline of Marmara Region.
- Al-Idrisi's map of the Balkans.
- Al-Idrisi's map of the Balkans.
- Al-Idrisi's map of the Iberian peninsula.
- Al-Idrisi's map of the Iberian peninsula.
- Al-Idrisi's description of Finland
- Map of the Senegal River according to al-Idrisi.
Remove ads
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads