From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Mixja Neokatekumenali jew Neokatekumenat hija Katekumenat Post-Batteżimali, ċioè proċess ta' inizjazzjoni Kristjana fi ħdan il-Knisja Kattolika li hija ddedikata għall-formazzjoni ta' fidi adulta. Hija nbdiet mill-pittur Spanjol Kiko Arguello fil-bidu tas-sittinijiet u ntlaqgħet bl-approvazzjoni tal-Kurja Rumana. Tul dawn l-aħħar tletin sena, hija għenet biex jiffurmaw iżjed minn 73 Seminarju Missjunarju Djoċesan madwar id-dinja. F'Ġunju tal-2002, is-Santa Sede approvat l-Istatuti tal-Mixja Neokatekumenali "ad experimentum" filwaqt li l-Knisja Kattolika tat l-approvazzjoni finali tagħha f'Ġunju tal-2008 fejn il-Mixja Neokatekumenali ġiet iddikjarata "Personae Giuridca Publica", jiġifieri f'dak kollu illi tagħmel il-Mixja Neokatekumenali, qiegħda tiġi rrapreżentata l-Knisja Kattolika. [1]. Il-Mixja Neokatekumenali hija preżenti f'disa' mitt (900) djoċesi.[2].
Il-Mixja Neokatekumenali bdiet fl-1964 fil-faqar ta Palomeras Atlas, ġewwa Madrid, frott ix-xogħol ta' Kiko Arguello u Carmen Hernandez, illi bdew iħabbru l-Vanġelu lill-fqar tal-post. Hekk kif beda jgħaddi ż-żmien, din il-Kerygma (Aħbar tajba) ġiet imnedija f'sintesi katetika, fuq it-tripied; "Kelma t'Alla - Liturġija - Komunità", illi tfittex li twassal lin-nies f'komunjoni fraterna u fidi matura.
Din l-esperjenza katetika ġdida, imwielda fit-tiġdid tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, ġibdet l-attenzjoni u l-interess profond tal-Arċisqof Casimiro Morcillo, li kien l-Arċisqof ta' Madrid, illi inkoraġġixxa lill-inizjaturi tal-Mixja biex ixerrduha fil-parroċċi li riduha. Din l-esperjenza ta' evanġelizzazzjoni b'hekk xterdet gradwalment fl-Arċidjoċesi ta' Madrid u fi djoċesijiet oħra Spanjoli.
Minn hemmek xterdet ukoll fl-Italja fejn, bil-permess tal-Kardinal Angelo dell'Acqua, li dak iż-żmien kien il-Vigarju Ġenerali tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Pawlu VI għad-distrett ta' Ruma, l-ewwel Komunità Neokatekumenali bdiet fil-parroċċa tal-Madonna tas-Sagrament Imqaddes u fil-parroċċa tal-Martri Kanadiżi. Minn dak iż-żmien 'il hemm, il-Mixja Neokatekumenali kompliet tinxtered fi djoċeżijiet madwar id-dinja kollha, fil-kontinenti kollha u f'iżjed minn mija u għoxrin pajjiż. [3]
L-Isem ta' din l-inizjattiva ta' fidi ġej mill-katekumenat tal-Knisja Nisranija bikrija, illi kien iż-żmien ta' katekiżmu ta' qabel il-magħmudija.
Il-Mixja Neokatekumenali hija itinerarju ta' Formazzjoni Kattolika, valida għas-soċjetà u għaż-żminijiet tal-lum. [4]
Il-Mixja Neokatekumenali hija għas-servizz tal-isqfijiet bħala forma ta' implimentazzjoni djoċesana tal-inizjazzjoni fil-ħajja Nisranija u ta' edukazzjoni tal-fidi, skont l-indikazzjonijiet tal-Konċilju Vatikan II u l-Maġisteru tal-Knisja. .[5]
Hija magħmula minn katekumenat post-batteżimali (jew katekumenat batteżimali għall-membri li ma rċevewx il-magħmudija), edukazzjoni li tkompli fil-fidi u servizz ta' katekeżi. .[6]
Il-Mixja Neokatekumenali hija implimentata fid-djoċeżijiet taħt id-direzzjoni tal-Isqof Djoċeżan u taħt it-tmexxija tal-ekip Responsabbli tal-Mixja Neokatekumenali, skont il-linji proposti mill-inizjaturi tagħha. [7]
Dawn il-kwotazzjonijiet huma meħuda mill-Istatuti tal-Mixja Neokatekumenali maħruġa u approvati f'Ġunju tal-2002. Huma ġew ukoll tradotti u ppubblikati bil-Malti.
Il-Mixja Neokatekumenali, fidila għall-mudell tal-Knisja primittiva, hija strutturata bħala itinerarju bit-tarġiet, fidila wkoll għall-ispirazzjoni oriġinali biex "Tagħmel Komunità Nisranija bħall-Familja Mqaddsa ta' Nazzaret, illi tgħix f'umiltà, sempliċità, tifħir u fejn l-ieħor huwa Kristu" [8].
L-Itinerarju Neokatekumenali, jibda fil-parroċċa b'ċiklu ta' katekeżijiet, illi huma mqassma fuq xahrejn, fejn hija ppreparata u mħabbra l-Kerygma, l-Aħbar it-tajba tal-mewt u l-qawmien ta' Sidna Ġesù Kristu. Fl-aħħar ta' dan il-perjodu, b'dawk illi jilqgħu s-sejħa li jibdew dan il-katekumenat post-batteżimali, il-komunità neokatekumenali tifforma. Din il-komunità hija fdata fil-kura pastorali tal-kappillan u ta' saċerdoti oħra fil-parroċċa, u tibda l-vjaġġ tagħha permezz tat-tripied tal-Ħajja Kristjana: Kelma ta' Alla, Liturġija u Komunità.
Bħalissa, l-ekipp internazzjonali responsabbli tal-Mixja Neokatekumenali huwa magħmul mill-inizjaturi Kiko Arguello u Carmen Hernandez (it-tnejn Spanjoli), u minn presbiteru Taljan, Patri Mario Pezzi, mid-Djoċesi ta' Ruma. L-ekipp internazzjonali jinnomina l-kulleġġ elettorali (magħmul minn tmenin sa mija u għoxrin membru) illi huwa fdat bl-elezzjoni ta' Ekipp Responsabbli Ġdid. [9]).
Jiddependu mill-ekipp internazzjonali, l-ekippijiet lokali tal-Katekisti Itineranti (madwar seba' mija), mlaħħqa mill-ekipp internazzjonali tal-mixja Neokatekumenali fid-diversi pajjiżi jew reġjuni tad-dinja. Huma jikkontribwixxu fil-furmar tal-ewwel komunitajiet neokatekumenali ta' parroċċa, u jżommu kuntatt regolari mal-isqfijiet tad-Djoċesi fejn jaħdmu; l-ekippijiet itineranti jżommu wkoll kuntatt kontinwu mar-responsabbli tal-Mixja Neokatekumenali, filwaqt illi jżuru l-komunitajiet li kkatekizzaw u jieħdu ħsieb l-iżvilupp tal-Mixja Neokatekumenali fit-territorju mogħti lilhom, waqt li jkunu totalment fidili lejn il-kariżma mogħtija lill-inizjaturi u ubbidjenti għall-Ordinarju Lokali.
Dawn l-ekippijiet ta' katekisti itineranti għall-evanġelizzazzjoni huma normalment iffurmati minn irġiel ċelibi jew nisa, minn koppji lajċi miżżewġa u bi presbiteru (saċerdot), bil-permess tal-Isqof jew tas-superjur tiegħu. Dawn joffru lilhom infushom liberalment u bir-rieda tagħhom, iħallu djarhom, il-karriera u l-ħbiberiji u jkunu lesti illi jintbgħatu f'liema parti tad-dinja, mingħajr sigurtajiet ekonomiċi, u jafdaw fil-Provvidenza Divina. Il-katekisti itineranti jibqgħu f'kuntatt kontinwu mal-parroċċa u il-komunità tagħhom, fejn huma jirritornaw perjodikalment. F'liema ħin iridu, huma jistgħu jinħallu mill-missjoni tagħhom.
L-Itineranti jistgħu jagħtu bidu għall-mixja Neokatekumenali fi djoċesi oħra wara li ssir talba tal-Kappillan u bil-permess tal-Ordinarju.
Quddiem is-sekularizzazzjoni tal-Ewropa ta' Fuq u inħawi kbar tad-dinja, l-Inizjaturi tal-Mixja Neokatekumenali bdew l-esperjenza tal-Familja fil-Missjoni, biex permezz ta' din il-kariżma, iħawlu il-preżenza tal-Knisja Kattolika fil-pajjiżi fejn ma teżistix jew waslet biex tmut ("Implantatio Ecclesiae" jew biex isaħħu l-komunitajiet kattolici f'inħawi partikolarment diffiċli.
Il-Papa Benedittu XVI feda dan il-mandat missjunarju lil madwar mitejn familja illi bdew din il-missjoni fit-tnax ta' Jannar 2006, u ġab in-numru ta' familji fil-Missjoni tal-Mixja Neokatekumenali għal iżjed minn ħames mija madwar id-dinja kollha. Il-familji l-oħra ntbgħatu kollha mill-Papa Ġwanni Pawlu II. [10].
Dawn is-Seminarji Djoċesani huma l-frott tal-Konċilju Vatikan II u tal-viżjoni profetika tal-Papa Ġwanni Pawlu II. L-idea li jitwaqqfu dawn is-seminarji bdiet ġewwa Ruma, id-djoċesi tal-Papa nnifsu, biex iwaqqfu seminarju b'dawn il-karatteristiċi:
Fl-1988, l-ewwel Seminarju Redemptoris Mater ġie mwaqqaf mill-Kardinal Poletti, Vigarju tal-Papa f'Ruma.
Dawn is-seminarji għandhom vokazzjonijiet imwielda fil-mixja Neokatekumenali. Is-seminaristi ta' dawn is-seminarji għandhom l-istess formazzjoni edukazzjonali bħas-seminarji djoċesani l-oħrajn, skond id-direttivi tal-pajjiżi fejn jinstabu.
Is-Seminarji Redemptoris Mater mhumiex Seminarji tal-Mixja Neokatekumenali, imma Seminarji Djoċesani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordinarju.
Sal-lum, 'il fuq minn tlieta u sebgħin (73) Seminarju Redemptoris Mater ġew miftuħa f'ħames kontinenti, u minnhom ġew ordnati iżjed minn elf u ħames mitt presbiteru.
Minn mindu bdiet il-Mixja Neokatekumenali, dejjem sabet appoġġ kbir u kontinwu mingħand il-Papiet. L-ewwel Papa li laqgħa l-Mixja Neokatekumenali kien Pawlu VI, li fetaħ il-bibien sabiex tiġi rikonoxxuta u megħjuna.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II jibqa magħruf bħala l-Papa li tant ta apoġġ u għajnuna lill-Mixja Neokatekumenali. Sa minn mindu kien Arċisqof Kardinal fi Krakovja, il-Polonja, huwa laqa' l-Mixja Neokatekumenali fid-Djoċesi tiegħu. Dejjem semma l-Mixja Neokatekumenali bħala "itininerarju validu għaż-żminijiet tal-lum", u ħadem ħafna sabiex l-Istatuti jgħaddu u b'hekk il-Mixja Neokatekumenali tkun rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja. Huwa qies dejjem lill-Mixja Neokatekumenali bħala strument utli ħafna għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida u inkoraġġixxa kemm felaħ saħansitra lill-isqfijiet u 'l-kappillani biex jiftħu l-bibien għall-Mixja. Huwa wkoll għamel ir-rit Neokatekumenali bħala rit uffiċjali tal-Knisja Kattolika.
Il-Kardinal Ratzinger fetaħ il-Mixja Neokatekumnali ġewwa Munich, il-Ġermanja fuq xewqa tiegħu nnifsu fis-sebgħinijiet meta kien għadu Arċisqof ta' Munich, u offra ħafna appoġġ, tant illi taħtu għaddew l-istatuti u ġew approvati waqt li kien għadu l-Kap tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Wara li sar Papa Benedettu XVI, bagħat 'il fuq minn mitejn familja fil-Missjoni filwaqt illi faħħar il-frott tal-Mixja Neokatekumenali. Fis-sena 2007, huwa semma l-Mixja Neokatekumenali bħala eżempju ċar ta' kollaborazzjoni u koperazzjoni bejn il-"movimenti" u l-kappillani, u ħeġġeġ lill-movimenti biex jaddottaw l-istess attitudni. Fi kliemu stess, il-Papa ta, bħala eżempju, il-proċess tal-approvazzjoni tal-istatuti tal-Mixja Neokatekumenali: "Kienet triq twila, b'ħafna kumplikazzjonijiet li għadhom kultant iseħħu s'issa, imma sibna mod ekkleżjali li tant tejjeb ir-relazzjoni bejn il-kappillan u il-mixja; u hekk aħna nimxu 'il quddiem!" "...L-istess huwa veru għall-movimenti l-oħrajn!" żied ukoll.
Fi Frar tal-2007, wara dan id-diskors tal-Papa Benedettu XVI, l-Isqfijiet tad-diversi riti kattoliċi tal-Art Imqaddsa ssuġġerew lill-Mixja Neokatekumenali bħala mudell ta' koperazzjoni u żiedu jgħidu: "Għeżież aħwa tal-Mixja: Nilqgħukom fid-djoċesijiet tagħna!" "Nirringrazzjaw lil Alla tal-grazzja illi l-Mulej takom u tal-Kariżma li l-Ispirtu s-Santu nissel fil-Knisja permess tal-ministeru tagħkom ta' formazzjoni post-batteżimali. Ninsabu grati ħafna tal-preżenza tagħkom fi wħud mill-parroċċi tagħna, għat-tħabbir tal-Kelma ta' Alla, għall-għajnuna li tagħtu lill-fidili billi ssaħħu l-fidi tagħhom u tgħinuhom fil-Knejjes lokali tagħhom.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ (magħruf iżjed bħala 'World Youth Day'), huwa avveniment li jseħħ, bejn wieħed u ieħor, kull sentejn jew tlieta. Huma avvenimenti organizzati mill-Knisja Kattolika, fejn żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha jinġabru flimkien mal-Papa f'belt partikolari magħżula f'xi parti tad-dinja. Il-Mixja Neokatekumenali huwa organizzatur attiv ħafna fi ħdan dawn il-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ u kull darba tiġbor għexieren ta' eluf ta' żgħażagħ mill-komunitajiet Neokatekumenali biex jattendu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Matul l-aħħar Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li sar f'Kolonja fil-Ġermanja f'Awwissu tal-2005, kważi mitt elf (100,000) żagħżugħ u żagħżugħa mill-Mixja Neokatekumenali rħewlha lejn Kolonja; kważi wieħed minn kull għaxra taż-żgħażagħ kollha li kienu attendew dan l-avveniment. Kienu tliet mija u ħamsin iż-żgħażagħ tal-Mixja Neokatekumenali f'Malta li telgħu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Kolonja.
Wara il-laqgħa tal-Papa maż-żgħażagħ, l-inizjaturi tal-Mixja Neokatekumenali jorganiżżaw laqgħa maż-żagħżagħ tal-Mixja Neokatekumenali, u fl-aħħar ta' din il-laqgħa issir sejħa għall-vokazzjonijiet. F'Bonn fl-2005, madwar elf u ħames mitt (1500) ġuvintur irrispondew għall din is-sejħa, flimkien ma' disa mitt tfajliet (900) li ħassewhom imsejħin biex jidħlu f'ħajja reliġjuża. Dawn iż-żagħżagħ wara jibdew proċess ta' dixxerniment (imsejħin gruppi vokazzjonali) fid-djoċesijiet jew il-parroċċi tagħhom, li jista' jwassalhom għall-presbiterat jew ħajja ikkonsagrata.
Fl-4 ta' Settembru 2007, tħejjiet laqgħa għal dawk iż-żgħażagħ mill-Mixja Neokatekumenali li telgħu għall-pellegrinaġġ ta' Loreto.
Il-laqgħa f'Montorso, limiti ta' Loreto, seħħet sabiex il-Papa Benedittu XVI ikun jista' jiltaqa' maż-żgħażagħ tal-Ewropa kollha, li fil-laqgħa kienu jlaħħqu mal-ħames mitt elf. Din il-laqgħa ssemmiet "Agora' dei Giovani". L-għada, jiġifieri fl-4 ta' Settembru, ġew imlaqqgħa fl-istess post in-Neokatekumeni, li kienu numru kbir sew, dak ta' mitt elf mill-Ewropa biss. Minnhom kien hemm ukoll 320 żagħżugħ minn Malta.
Fl-aħħar ta' din il-laqgħa saret sejħa għall-vokazzjonijiet, u 3,200 żagħżugħ u żagħżugħa offrew ruħhom għall-ħajja ikkonsagrata. Minnhom kien hemm 2000 ġuvni u 1200 tfajla.
Din l-istatistika turi in-numru ta' komunitajiet Neokatekumenali fl-Ewropa, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Amerika t'Isfel, fl-Asja, fil-Lvant Nofsani, fl-Oċeanja u fl-Afrika. Fi djoċesi tiġi stabbilita l-Mixja Neokatekumenali fuq stedina tal-Isqof. Imbagħad, il-komunitajiet huma stabbiliti ġewwa parroċċa u kull komunità normalment ikollha bejn 30 u 50 persuna.
L-ikbar numru ta' komunitajiet fl-Ewropa (u fid-Dinja) huma fl-Italja.
Spanja, il-Polonja, il-Portugall, il-Kroazja u Malta għandhom numru kbir ta' komunitajiet ukoll. Interessanti ħafna li l-akbar densità ta' komunitajiet per capita tinsab appuntu f'Malta! B'mitt komunità fi gżira ta' erba' mitt elf ruħ. Guam fil-paċifiku jiġi it-tieni b'ħamsa u tletin komunita (popolazzjoni ta' 115,000)
Hemm madwar ħames mitt komunità fl-Istati Uniti tal-Amerika. L-Amerika t'Isfel u l-Amerika Ċentrali, kif ukoll il-Messiku għandhom eluf ta' komunitajiet kull wieħed. Pajjiżi oħra b'numri kbar ta' komunitajiet jinkludu l-Filippini b'iżjed minn sitt mitt komunità. L-Awstralja għandha ħamsin komunità. Il-komunitajiet fl-Afrika jgħoddu mat-tmien mija u qegħdin jiżdiedu b'rata mgħaġġla.
L-Istatuti tal-Mixja Neokatekumenali ġew approvati f'Ġunju tal-2002[11] mill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, u huma mmarkati bħala ad experimentum, għal ħames snin, sa Ġunju tal-2007. Id-Direttorju Katetiku tal-Mixja diġà kien approvat mill-Kongregazzjoni għad-duttrina tal-Fidi, meta kienet immexxija mill-Kardinal Ratzinger.
L-Istatuti ġew approvati b'mod definittiv mill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, nhar il-11 ta' Mejju 2008, Solennità ta' Pentekoste.
Kif jixhed l-isem, l-Istatuti huma r-rikonoxximent uffiċjali tal-Mixja bħala katekumenat post-batteżimali tal-Knisja Kattolika u jiddeskrivu kif tiffunzjona, waqt li d-Direttorju Katetiku għandu fih il-metodu u l-punti katetiċi tal-Mixja.
Il-Mixja Neokatekumenali f'Malta twieldet fl-1973 fuq stedina tal-kappillan tal-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, Dun Ġużepp Mifsud Bonniċi, wara li l-Arċisqof ta' dak iż-żmien, Mons Mikiel Gonzi ta l-approvazzjoni tiegħu. Il-Katekisti Itineranti li introduċew il-Mixja Neokatekumenali f'Malta huma Eusebio u Gulietta Astiaso, u huma wkoll katekisti ta' żewġ reġjuni fl-Italja, l-Abruzzo u il-Marche. Mill-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, il-Mixja xterdet ukoll fil-parroċċi tal-Mosta, San Ġwann u Gwardamanġa.
Il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, il-parroċċa ta' Santa Maria tal-Mosta u Tal-Madonna ta' Lourdes f'San Ġwann (inċidentalment dawn it-tliet parroċċi huma kollha ddedikati lill-Madonna) huma meqjusin bħala parroċċi prinċipali f'Malta fejn tidħol il-Mixja Neokatekumenali. Minnhom ħarġet il-mixja fil-parroċċi l-oħrajn f'Malta. In-numru ta' parroċċi f'Malta u Għawdex fejn il-Mixja Neokatekumenali hija attiva fihom, huwa ta' 26. F'Għawdex, il-Mixja Neokatekumenali tinsab fil-Katidral u fis-Sannat.
Il-Mixja f'Malta tinsab fil-lokalitajiet u l-parroċċi segwenti;
F'dawn il-parroċċi kollha, kull sena jsiru l-katekeżijiet. Aktar informazzjoni fuq id-dati tal-katekeżijiet jista jinġieb mingħand il-kappillani tal-parroċċi rispettivi.
Minn dak iż-żmien 'il hawn, il-Mixja f'Malta xterdet tant li Malta saret l-iżjed pajjiż b'komunitajiet skont il-popolazzjoni ta' pajjiż. F'Malta hawn 'il fuq minn mitt (100) komunità Neokatekumenali u n-numru ta' dawk li jagħmlu din il-mixja jaqbeż it-tlett elef (3000) ruħ.
Fil-Parroċċa tal-Mosta jinsab iċ-Ċentru Neokatekumenali Djoċesan, magħruf bħala l-"Katekumenju". Fih saru wkoll ħafna laqgħat tas-Sinodu Djoċesan. Fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni (Ħamrun) qiegħed jinbena Katekumenju ġdid.
Il-Komunitajiet Neokatekumenali f'Malta taw ħafna frott, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Diversi huma ż-żwiġijiet li salvaw mit-tkissir, u ħafna huma l-familji kbar u Nsara li ffurmaw.
Mill-komunitajiet Neokatekumenali twieldu ħafna vokazzjonijiet u kariżmi. Dawn jinkludu familji itineranti, presbiteri itineranti u fil-missjoni, familji fil-missjoni, rġiel u nisa li offrew ħajjithom għall-evanġelizzazzjoni kemm bħala itineranti kif ukoll bħala servizz għall-familji fil-missjoni, fis-Seminarji Redemptoris Mater u seminaristi.
Kemm fil-passat u kif ukoll illum, dawn il-vokazzjonijiet u kariżmi kollha li ħarġu minn Malta, wettqu u għadhom iwettqu xogħol ta' evanġelizzazzjoni f'diversi pajjiżi barra minn Malta, bħall-Indja, il-Pakistan, il-Filippini, is-Sri Lanka, il-Veneżwela, il-Libya, il-Kenja, il-Ġorġja, l-Olanda, l-Awstralja, Franza, l-Istati Uniti, il-Gżejjer Turks & Caicos (fil-Karibew), il-Guam, il-Paċifiku (Kiribati, Hawaii, Saipan), l-Albanija, il-Korea t'Isfel, il-Finlandja, l-Iżvizzera, l-Italja, l-Irlanda, l-Ingilterra, iċ-Ċina u t-Tajwan.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.