Cusco

belt fil-Perù From Wikipedia, the free encyclopedia

Cusco
Remove ads

Cusco jew Cuzco (pronunzja: [ˈkusko]; bil-Quechua: Qusqu ([ˈqɔsqɔ])) hija belt fix-Xlokk tal-Perù qrib il-Wied ta' Urubamba tal-katina muntanjuża tal-Andes. Hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta' Cusco u tal-Provinċja ta' Cusco. Il-belt hija s-seba' l-iktar popolata fil-Perù; fl-2017 kellha popolazzjoni ta' 428,450 ruħ. L-elevazzjoni tagħha hi madwar 3,400 metru (11,200 pied).

Quick facts Amministrazzjoni, Kap tal-Gvern ...

Il-belt kienet il-belt kapitali tal-Imperu Inka mis-seklu 13 sal-konkwista Spanjola fis-seklu 16. Fl-1983, Cusco tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Saret destinazzjoni turistika ewlenija u tospita kważi żewġ miljun viżitatur fis-sena. Il-Kostituzzjoni tal-Perù (1993) tiddeżinjaha bħala Kapitali Storika tal-Perù.[2]

Remove ads

Ortografija u etimoloġija

L-isem indiġenu ta' din il-belt hu Qusqu. Għalkemm l-isem kien jintuża bil-Quechua tan-Nofsinhar, oriġina fil-lingwa Aymara. L-isem ġej mill-frażi qusqu wanka ("blata tal-kokka"), b'rabta mal-leġġenda tal-aħwa Ayar dwar l-istabbiliment tal-belt. Skont din il-leġġenda, Ayar Awqa (Ayar Auca) kiseb il-ġwienaħ u tar lejn is-sit tal-belt futura; hemmhekk ġie ttrasformat fi blata sabiex jimmarka l-pussess tal-art mill-ayllu ("l-arblu tar-razza") tiegħu:[3]

Imbagħad Ayar Oche qam bilwieqfa, tfaċċawlu par ġwienaħ kbar, u qal li kellu jkun dak li kellu jibqa' fi Guanacaure bħala idolu sabiex jitkellem ma' missierhom, ix-Xemx. Imbagħad mar fil-quċċata tal-għolja. Malli wasal fis-sit fejn kellhom jibqa' bħala idolu, Ayar Oche tar fis-sema, tant fl-għoli li ma setgħux jarawh. Huwa reġa' lura u qal lil Ayar Manco li minn hemm 'il quddiem kellu jibda jissemma bħala Manco Capac. Ayar Oche ġie minn fejn kien hemm ix-Xemx u x-Xemx ordnat lil Ayar Manco jieħu dak l-isem u jmur fil-post li kienu raw. Wara li dan intqal mill-idolu, Ayar Oche inbidel f'blata, kif kien, bil-ġwienaħ b'kollox. Iktar 'il quddiem, Manco Capac niżel ma' Ayar Auca lejn l-insedjament tagħhom... huwa kien jogħġbu l-post li issa huwa okkupat minn Cusco. Manco Capac u sieħbu, bl-għajnuna ta' erba' nisa, bnew dar. B'hekk, Manco Capac u sieħbu, flimkien mal-erba' nisa, żergħu l-qamħirrun f'xi raba'. Jingħad li ħadu l-qamħirrum mill-għar, li Manco Capac kien semma bħala Pacaritambo, li tfisser dawk li oriġinaw.... għaliex ħarġu minn dak l-għar.[4]

Il-konkwistaturi (suldati) Spanjoli adottaw l-isem lokali, u ttraskrivewh skont il-fonetika tal-Ispanjol bħala Cuzco jew, inqas frekwenti, Cozco. Cuzco kienet l-ortografija standard fuq id-dokumenti u l-kronaka uffiċjali fiż-żminijiet kolonjali,[5] għalkemm Cusco kienet tintuża wkoll. Cuzco, pronunzjata bħall-Ispanjol tas-seklu 16, milli jidher kienet pjuttost qrib tal-pronunzja tal-Quechua lokali tal-isem dak iż-żmien.[6]

Peress li kemm il-pronunzja tal-Ispanjol kif ukoll dik tal-Quechua evolvew minn dak iż-żmien, il-pronunzja bl-Ispanjol ta' "z" ma għadhiex daqshekk qrib il-pronunzja bil-Quechua. Fl-1976, is-sindku tal-belt iffirma ordinanza li pprojbixxiet l-ortografija tradizzjonali u li ordnat l-użu tal-ortografija l-ġdida, Cusco, fil-pubblikazzjonijiet tal-muniċipalità. Dsatax-il sena wara, fit-23 ta' Ġunju 1990, l-awtoritajiet lokali fformalizzaw ortografija ġdida iktar qrib dik tal-Quechua, Qosqo, iżda l-amministrazzjonijiet li ġew wara ma komplewx jużawha.[7]

Ma hemm l-ebda ortografija internazzjonali uffiċjali tal-isem tal-belt. F'bosta pubblikazzjonijiet internazzjonali, pereżempju bl-Ingliż, l-isem jiġi spellut kemm bl-"s"[8][9] kif ukol biz-"z"[1]. L-Oxford Dictionary of English u l-Merriam-Webster Dictionary jippreferu "Cuzco",[10][11] u fil-kitbiet akkademiċi "Cuzco" tintuża iktar spiss minn "Cusco". Il-kodiċi tal-ajruport internazzjonali tal-belt huwa CUZ, u għaldaqstant jirrifletti l-ortografija Spanjola bikrija.

Remove ads

Storja

Kronoloġija ta' Cusco

Affiljazzjonijiet storiċi:

Ir-Renju ta' Cusco, 1197-1438;

L-Imperu tal-Inka, 1438-1532;

Ir-Renju ta' Spanja – l-Asburgi (il-Governorat ta' Kastilja l-Ġdida u l-Viċirenju tal-Perù), 1532-1700;

Ir-Renju ta' Spanja – il-Borboni (il-Viċirenju tal-Perù), 1700-1808;

Ir-Renju ta' Spanja – Napuljun Bonaparte (il-Viċirenju tal-Perù), 1808-1813;

Ir-Renju ta' Spanja – il-Borboni (il-Viċirenju tal-Perù), 1813-1821;

Il-Protettorat tal-Perù, 1821-1822;

Il-Perù, 1822-1836;

Il-Konfederazzjoni tal-Perù u l-Bolivja (ir-Repubblika tan-Nofsinhar tal-Perù), 1836-1839;

Il-Perù, 1839-preżent.

Kultura Killke

Il-poplu Killke okkupa r-reġjun mid-900 sal-1200 W.K., qabel il-wasla tal-Inka fis-seklu 13. Id-datazzjoni tal-karbonju-14 ta' Saksaywaman, il-kumpless imdawwar bil-ħitan 'il barra minn Cusco, stabbiliet li l-poplu Killke bnew il-fortizza għall-ħabta tal-1100. Iktar 'il quddiem, l-Inka kabbru u okkupaw il-kumpless fis-seklu 13. F'Marzu 2008, l-arkeologi skoprew il-fdalijiet ta' tempju, triq u sistema ta' akkwedotti tal-qedem f'Saksaywaman. It-tempju jkopri xi 2,700 pied kwadru (250 metru kwadru) u fih 11-il sala li hu maħsub li kien fihom idoli u mummji għal skopijiet reliġjużi. Flimkien mar-riżultati tal-iskavi fl-2007, meta nstab tempju ieħor fit-tarf tal-fortizza, dawn jindikaw użu reliġjuż kif ukoll militari fit-tul.

Storja tal-Inka

Thumb
Thumb
Il-ħolqien mill-ġdid b'mod diġitali ta' kif seta' kien oriġinarjament il-Qurikancha (it-tempju prinċipali tax-Xemx tal-Imperu Inka) minn ġewwa, skont id-deskrizzjoni ta' Garcilaso de la Vega; u l-fdalijiet tal-ħajt attwali ta' Qoricancha fil-Kunvent ta' San Duminku.

Cusco kienet ċentru importanti fit-tul ta' nies indiġeni. Kienet il-belt kapitali tal-Imperu Inka (mis-seklu 13 sal-1532). Bosta jemmnu li l-belt ġiet ippjanata bħala effiġju b'għamla ta' puma, li kien annimal sagru. Għadu ma ġiex iddeterminat kif Cusco inbniet speċifikament, jew kif inqatgħu l-ġebliet kbar tagħha fil-barrieri jew kif ġew ittrasportati minnhom. Taħt l-Inka, il-belt kellha żewġ setturi: l-urin u l-hanan. Kull settur kien maqsum biex jinkorpora tnejn mill-erba' provinċji, Chinchasuyu (fil-Majjistral), Antisuyu (fil-Grigal), Kuntisuyu (fil-Lbiċ) u Qullasuyu (fix-Xlokk). Triq kienet tagħti minn kull kwartier sal-kwartier korrispondenti tal-imperu.

Thumb
Sacsayhuamán hija fortizza ċerimonjali tal-Inka li tinsab żewġ kilometri fit-Tramuntana ta' Cusco: tirrappreżenta l-ikbar xogħol arkitettoniku tal-Imperu Inka fl-apoġew tiegħu.

Kull mexxej lokali kien meħtieġ jibni dar fil-belt u jgħix parti mis-sena f'Cusco, ristrett għall-kwartier li kien jikkorrispondi għall-kwartier fejn kellu t-territorju tiegħu. Wara t-tmexxija ta' Pachacuti, meta xi ħadd Inka kien imut, it-titlu tiegħu kien jgħaddi għand ibnu u l-proprjetà tiegħu kienet tingħata lil korporazzjoni kkontrollata mill-qrabat l-oħra tiegħu (wirt maqsum). Kull detentur ta' titlu kellu jibni dar ġdida u jżid artijiet ġodda mal-imperu sabiex ikollu s-sjieda ta' art għall-familja tiegħu biex imbagħad jirtuha wara mewtu.

Skont leġġenda tal-Inka, il-belt inbniet mill-ġdid minn Sapa Inca Pachacuti, ir-raġel li ttrasforma r-Renju ta' Cusco minn belt-stat għall-imperu enormi ta' Tawantinsuyu. Madankollu, l-evidenza arkeoloġika tindika li t-tkabbir kien iktar kajman u organiku, u fil-fatt kien beda qabel Pachacuti. Il-belt inbniet skont pjanta definita fejn żewġ xmajjar ġew kanalati madwar il-belt. L-arkeologi ssuġġerew li din il-pjanta tal-belt ġiet replikata f'siti oħra.

Il-belt sfat taħt id-dominju ta' Huáscar matul il-Gwerra Ċivili tal-Inka, wara l-mewt ta' Huayna Capac fl-1528. Inħatfet mill-ġenerali ta' Atahualpa f'April 1532 fil-Battalja ta' Quipaipan. Dsatax-il xahar wara, esploraturi Spanjoli invadew il-belt wara li ħatfu u qatlu lil Atahualpa fil-Battalja ta' Cusco, u kisbu l-kontroll bis-saħħa tal-armi u ż-żwiemel tagħhom, kif ukoll għax kellhom teknoloġija militari superjuri.

Wara l-invażjoni Spanjola

Thumb
L-ewwel xbieha ta' Cusco fl-Ewropa. Pedro Cieza de León. Crónica del Perú, 1553.

L-ewwel tliet Spanjoli waslu fil-belt f'Mejju 1533, wara l-Battalja ta' Cajamarca, u bdew jiġbru għar-rahan ta' Atahualpa. Fil-15 ta' Novembru 1533, Francisco Pizarro wasal uffiċjalment f'Cusco. "Il-kapitali tal-Inka... ħalliet lill-Ispanjoli b'ħalqhom miftuħ bil-ġmiel tal-binjiet tagħha, u bit-tul u r-regolarità tat-toroq tagħha". Il-pjazza l-kbira kienet imdawra b'diversi palazzi, peress li "kull sovran bena palazz ġdid għalih innifsu". "Il-lavur fil-ġebel kien ta' livell eċċellenti, bil-bosta iktar minn dak tal-Ispanjoli". Il-fortizza kellha tliet parapetti u kienet magħmula minn "mases tqal tal-blat". "Mill-qalba tal-kapitali kien hemm xmara ... kanalata bil-ġebel. ...L-iktar binja lussuża f'Cusco... bla dubju kienet dik tat-tempju l-kbir iddedikat lix-Xemx... imżejjen bi platti tad-deheb... imdawwar b'kunventi u b'dormitorji għall-patrijiet. ...Kien hemm bosta palazzi u t-truppi f'qasir żmien serqu l-kontenut kollu tagħhom, u skonsagraw il-binjiet reliġjużi, inkluż il-mummji rjali fil-Coricancha.

Pizarro b'mod ċerimonjali ta l-Manco Inca l-figura tal-Inka bħala l-mexxej Peruvjan ġdid. Pizarro ħeġġeġ lil uħud mill-irġiel tiegħu biex joqogħdu u jinsedjaw il-belt, u tahom repartimientos, jew għotjiet tal-art biex jagħmlu dan. Ġew stabbiliti alcaldes u regidores fl-24 ta' Marzu 1534, li kienu jinkludu l-aħwa Gonzalo Pizarro u Juan Pizarro. Pizarro ħalla gwarniġjon ta' 90 raġel u telaq lejn Jauja flimkien ma' Manco Inca.

Thumb
Mappa li turi l-belt ta' Cusco matul l-Imperu Inka. Pittura tal-1565 ta' Giovanni Battista Ramusio.

Pizarro ta titlu uffiċjali lill-belt bħala "l-belt kbira u nobbli ħafna ta' Cusco". Il-binjiet, li spiss inbnew wara l-invażjoni Spanjola, għandhom taħlita ta' influwenza Spanjola u arkitettura indiġena tal-Inka, inkluż il-kwartieri ta' Santa Clara u San Blas. L-Ispanjoli qerdu bosta binjiet, tempji u palazzi tal-Inka. Huma użaw il-fdalijiet tal-ħitan tagħhom bħala bażijiet għall-kostruzzjoni ta' belt ġdida, u dan il-lavur fil-ġebel għadu viżibbli.

Patri Vincente de Valverde sar l-Isqof ta' Cusco u bena l-katidral tiegħu faċċata tal-pjazza ewlenija. Huwa appoġġa l-kostruzzjoni tal-monasteru tal-Ordni Dumnikana (il-Kunvent ta' San Duminku) fuq il-fdalijiet ta' Corichanca, id-Dar tax-Xemx, u ta' kunvent fis-sit preċedenti tad-Dar tal-Verġni tax-Xemx.

Thumb
Veduta tat-triq ta' Hatun Rumiyuq. Bosta mill-kostruzzjonijiet kolonjali użaw il-kostruzzjonijiet tal-Inka fil-belt bħala sisien.


Matul l-Assedju ta' Cusco tal-1536 minn Manco Inca Yupanqui, mexxej tas-Sapa Inca, huwa ħa l-kontroll tal-belt mill-Ispanjoli. Minkejja li l-assedju dam 10 xhur, fl-aħħar mill-aħħar ma kellux suċċess. Il-forzi ta' Manco rnexxielhom jieħdu l-belt għal xi ftit jiem biss. Eventwalment huwa rtira lejn Vilcabamba, il-kapitali tal-Istat il-Ġdid tal-Inka li kien għadu kemm ġie stabbilit. L-istat tiegħu baqa' jeżisti għal 36 sena oħra iżda baqa' qatt ma seta' jerġa' lura lejn Cusco. Matul il-kunflitt kollu s-snin tal-kolonizzazzjoni tal-Amerki mill-Ispanjoli, bosta Inka miet bl-epidemija tal-ġidri, peress li ma kellhomx immunità għall-marda li mbagħad saret epidemija fost l-Ewropej.

Cusco nbniet fuq saffi differenti ta' kulturi. It-Tawantinsuyu (l-Imperu Inka preċedenti) inbena fuq strutturi tal-poplu Killke. L-Ispanjoli ssostitwew it-tempji indiġeni bi knejjes Kattoliċi, u l-palazz tal-Inka b'vilel għall-invażuri.

Cusco kienet iċ-ċentru għall-kolonizzazzjoni Spanjola u t-tifrix tal-Kristjaneżmu fl-Andes. Stagħnat ħafna bis-saħħa tal-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-estrazzjoni, kif ukoll bis-saħħa tal-kummerċ tagħha ma' Spanja. Il-kolonjalisti Spanjoli bnew bosta knejjes u kunventi, kif ukoll il-katidral, l-università u l-arċidjoċesi.

Preżent

Thumb
Veduta ta' Plaza del Cabildo, Cusco fl-1877 ta' Ephraim George Squier.

Fil-21 ta' Mejju 1950 terromot kbir heżżeż il-belt u kkawża ħsarat f'iżjed minn terz tal-istrutturi tal-belt. Il-Pirjolat Dumnikan u l-Knisja ta' San Duminku, li nbnew fuq il-Qurikancha (it-Tempju tax-Xemx) impressjonanti, kienu fost il-binjiet affettwati mill-era kolonjali. L-arkitettura tal-Inka felħet għat-terremot. Bosta mill-ħitan antiki tal-Inka għall-ewwel kien maħsub li kienu ntilfu wara t-terremot, iżda r-riffieda tal-granit tal-Qurikancha ġew esposti, kif ukoll dawk ta' strutturi antiki oħra madwar il-belt kollha. Ix-xogħol ta' restawr fil-kumpless ta' San Duminku espona x-xogħol tal-Inka fil-ġebel, li qabel kien oskurat mis-sovrastruttura mingħajr ma ġiet kompromessa l-integrità tal-wirt kolonjali. Bosta mill-binjiet li ġarrbu ħsarat fl-1950 kienu ġew affettwati minn terremot xi disa' snin qabel ukoll.

Thumb
Veduta tal-gallariji kolonjali ta' Cusco.

Mis-snin 90 tas-seklu 20, it-turiżmu żdied. Attwalment, Cusco hija l-iżjed destinazzjoni turistika importanti fil-Perù. Taħt l-amministrazzjoni tas-sindku Daniel Estrada Pérez, akkanit favur l-Academia Mayor de la Lengua Quechua, bejn l-1983 u l-1995 l-isem bil-Quechua, Qosqo, ġie adottat uffiċjalment għall-belt. It-turiżmu ġie affettwat b'mod drastiku mill-pandemija tal-COVID-19 fil-Perù u mill-protesti Peruvjani tal-2022-2023. Dawn tal-aħħar swew liż-żona 10 miljun soles kuljum.

Unuri

  • Fl-1933, il-Kungress tal-Amerikanisti tlaqqa' f'La Plata, l-Arġentina, u ddikjara lill-belt bħala l-Kapitali Arkeoloġika tal-Amerki.
  • Fl-1978, is-Seba' Konvenzjoni tas-Sindki tal-Bliet Kbar tad-Dinja tlaqqgħet f'Milan, l-Italja, u ddikjarat lil Cusco bħala Sit ta' Wirt Dinji.
  • Fl-1983, l-UNESCO, f'Pariġi, Franza, iddikjarat lill-belt bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-gvern Peruvjan iddikjaraha l-Kapitali tat-Turiżmu tal-Perù u Wirt Kulturali tan-Nazzjon.
  • Fl-2001, f'Cusco, il-Kungress tal-Amerka Latina tal-Persuni Anzjani u l-Kunsilliera ta lill-belt it-titlu ta' Kapitali Storika tal-Amerka Latina.
  • Fl-2007, l-Organización Capital Americana de la Cultura ta t-titlu ta' Kapitali Kulturali tal-Amerka lill-belt ta' Cusco.
  • Fl-2007, il-Fondazzjoni New7Wonders iddeżinjat lil Machu Picchu bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja, wara li kien sar stħarriġ dinji.
Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Thumb
Veduta panoramika tal-belt ta' Cusco.

Il-Belt ta' Cusco ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ġeografija

Cusco hija estiża madwar il-wied kollu tax-xmara Huatanay (jew Watanay). Tinsab fit-tarf tal-Lvant tal-Għoqda ta' Cusco, b'elevazzjoni ta' madwar 3,400 metru (11,200 pied). Fit-Tramuntana tagħha hemm il-katina muntanjuża ta' Vilcabamba b'muntanji għolji 4,000-6,000 metru (13,000-20,000 pied). L-ogħla quċċata hi dik ta' Salcantay (6,271 metru jew 20,574 pied), li tinsab madwar 60 kilometru (37 mil) fil-Majjistral ta' Cusco.

Klima

Cusco għandha klima ta' art għolja subtropikali (Cwb skont il-klassifikazzjoni ta' Köppen). Ġeneralment tkun niexfa u miti, b'żewġ staġuni definiti. Ix-xitwa tkun minn Mejju sa Settembru, b'xemx abbundanti u okkażjonalment b'temperaturi taħt iż-żero billejl; Lulju jkun l-iktar xahar kiesaħ b'medja ta' 9.7 °C (49.5 °F). Is-sajf ikun minn Ottubru sa April, b'temperaturi sħan u xita abbundanti; Novembru jkun l-iżjed xahar sħun, b'medja ta' 13.3 °C (55.9 °F). Għalkemm il-ġlata u s-silġ huma komuni, l-aħħar borra rrapportata niżlet f'Ġunju 1911. It-temperaturi normalment ivarjaw minn 0.2 sa 20.9 °C (32.4 sa 69.6 °F), iżda t-temperatura inġenerali tvarja bejn −8.9 u 30 °C (16.0 u 86.0 °F). L-ikbar ammont ta' sigħat ta' xemx ikunu f'Lulju, l-ekwivalenti ta' Jannar fl-Emisferu tat-Tramuntana. B'kuntrast ma' dan, Frar, l-ekwivalenti ta' Awwissu fl-Emisferu tat-Tramuntana, ikollu l-inqas ammont ta' sigħat ta' xemx.

Fl-2006 instab li Cusco kienet l-iżjed punt fid-Dinja bl-ogħla livell medju ta' dawl ultravjola.

More information Data klimatika għal Cusco (l-Ajruport Internazzjonali ta' Alejandro Velasco Astete) fl-1961-1990, temp. estremi mill-1931 sal-preżent, Xahar ...
Remove ads

Turiżmu

It-turiżmu ilu s-sinsla tal-ekonomija mill-bidu ta' dan il-millenju, b'iktar minn 1.2 miljun turista fis-sena. Fl-2002, l-introjtu li Cusco daħlet mit-turiżmu kien jammonta għal US$837 miljun. Fl-2009, dak l-ammont żdied għal US$2.47 biljun. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, it-turiżmu naqas b'ammont sinifikanti.

Attrazzjonijiet prinċipali

Thumb
Veduta panoramika tal-fortizza ta' Sacsayhuamàn.

Il-kultura Killke indiġena bniet il-kumpless ta' Sacsayhuamán għall-ħabta tal-1100. Il-poplu Killke bena tempju ewlieni qrib Saksaywaman, kif ukoll akkwedott (pukyu) u triq li tikkollega l-istrutturi preistoriċi. Sacsayhuamán ġiet imkabbra mill-Inka.

Thumb
Templo de la Sagrada Familia.

L-esploratur Spanjol Pizarro seraq ħafna mir-rikkezzi tal-belt tal-Inka fl-1535. Għad hemm xi fdalijiet tal-palazz tal-Inka, ta' Qurikancha (it-Tempju tax-Xemx), u tat-Tempju tal-Verġni tax-Xemx. Il-binjiet tal-Inka u f'xi każijiet il-pedamenti tagħhom kienu ferm iktar b'saħħithom mill-binjiet ta' warajhom meta kien seħħ it-terremot. Fost il-binjiet kolonjali Spanjoli notevoli tal-belt hemm il-Katidral ta' San Duminku.

L-iżjed siti ewlenin tal-Inka fil-qrib x'aktarx li kienu ir-residenzi tax-xitwa ta' Pachacuti: Machu Picchu, li wieħed jista' jasal għalih bil-mixi mill-Mogħdija tal-Inka sa Machu Picchu jew bil-ferrovija; u l-"fortizza" ta' Ollantaytambo.

Fost il-fdalijiet li jżuruhom inqas nies insibu: Incahuasi, l-ogħla fost is-sit kollha tal-Inka f'elevazzjoni ta' 3,980 metru (13,060 pied); Vilcabamba, il-kapitali tal-Inka wara li l-Ispanjoli ħatfu lil Cusco; il-ġnien tal-iskulturi f'Ñusta Hisp'ana (magħruf ukoll bħala Chuqip'allta, Yuraq Rumi); Tipón, b'kanali tal-ilma li għadhom jaħdmu f'raba' mtarraġ wiesa'; kif ukoll Willkaraqay, Patallaqta, Chuqik'iraw, Moray, Vitcos u bosta oħrajn.

L-inħawi tal-madwar, fil-Wied ta' Watanay, huma importanti għall-estrazzjoni tad-deheb u għall-agrikoltura, inkluż għall-qamħirrum, għax-xgħir, għall-kinoa, għat-te u għall-kafè.

Il-istadium prinċipali ta' Cusco, Estadio Garcilaso de la Vega, kien wieħed mis-seba' stadiums li ntużaw meta l-Perù ospita l-kampjonat kontinentali tal-futbol, il-Copa América, fl-2004. L-istadium jospita wieħed mill-iżjed klabbs tal-futbol ta' suċċess fil-pajjiż, Cienciano.

Thumb
Arco de Santa Clara.

Il-belt hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Alejandro Velasco Astete.

Wirt arkitettoniku

Bis-saħħa tal-antikità u tal-importanza tiegħu, iċ-ċentru tal-belt, li jippreserva bosta binjiet, pjazez, toroq u knejjes kolonjali, u saħansitra strutturi pre-Kolombjani, ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1] Fost l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt hemm:

Barrio de San Blas

Dan il-kwartier jospita l-artiġjani u l-workshops u l-ħwienet tas-snajja'. Huwa wieħed mill-iżjed kwartieri pittoreski fil-belt. Għandu toroq weqfin u dojoq, bi djar antiki li nbnew mill-Ispanjoli fuq pedamenti importanti tal-Inka. Għandu pjazza attraenti u l-iżjed knisja parrokkjali antika f'Cusco, mibnija fl-1563, li għandha pulptu tal-injam imnaqqax li jitqies bħala l-epitoma tax-xogħol bl-injam tal-era kolonjali f'Cusco.

L-isem bil-Quechua ta' dan il-kwartier hu Tuq'ukachi, li jfisser il-ftuħ tal-melħ.

Thumb
Binja ċivika kolonjali.

Hatun Rumiyuq

Din it-triq hija l-iżjed li jżuru t-turisti. Fit-triq ta' Hatun Rumiyoq ("dik tal-ġebla l-kbira") kien hemm il-palazz ta' Inca Roca, li ġie kkonvertit fir-residenza tal-Arċisqof.

Tul din it-triq li twassal minn Plaza de Armas għal Barrio de San Blas, wieħed jista' jara l-Ġebla tat-Tnax-il Angolu, li titqies bħala lavur antik tal-għaġeb tal-ġebel u saret emblematika għall-istorja tal-belt.

Thumb
Veduta tat-torri tal-kampnar tal-Basilica de La Merced.

Basílica de la Merced

Din il-bażilika ġiet stabbilita fl-1536. L-ewwel kumpless inqered mit-terremot tal-1650 u r-rikostruzzjoni tlestiet fl-1675.

Il-kjostri bi stil Rinaxximentali-Barokk, is-sedji tal-kor, il-pitturi kolonjali u t-tinqix tal-injam tal-bażilika huma l-attrazzjonijiet ewlenin f'dik li issa saret mużew popolari.

Għall-wiri wkoll hemm ostensorju elaborat, magħmul bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż, li jiżen 22 kilogramma (49 libbra) u huwa għoli 130 cm (51.18 pulzier).

Il-Katidral

L-ewwel katidral li nbena f'Cusco kien l-Iglesia del Triunfo, li nbniet fl-1539 fuq il-pedamenti tal-Palazz ta' Viracocha Inca. Illum il-ġurnata, din il-knisja hija kappella awżiljarja tal-katidral.

Il-bażilika-katidral prinċipali tal-belt inbniet bejn l-1560 u l-1664. Il-materjal prinċipali li ntuża kien il-ġebel, li ġie mħaffer mill-barrieri fil-qrib, għalkemm xi blokok tal-granit aħmar ittieħdu mill-fortizza ta' Saksaywaman.

Dan il-katidral kbir fuq ġewwa fih elementi Gotiċi Aħħarin, Barokk u Platereski u fih wieħed mill-iżjed eżempji straordinarji ta' xogħol kolonjali bid-deheb. L-artali mnaqqxin tal-injam tal-katidral huma importanti wkoll.

Il-belt żviluppat stil ta' pittura unika magħruf bħala l-"Iskola ta' Cusco" u l-katidral fih l-ikbar kollezzjoni ta' artisti lokali ta' dak iż-żmien. Il-katidral huwa magħruf għal pittura tal-Iskola ta' Cusco tal-Aħħar Ċena, b'Ġesù u t-tnax-il appostlu jieklu fenek tal-Indi, platt tradizzjonali tal-Andes.

Il-katidral huwa s-sede tal-Arċidjoċesi ta' Cusco.

Plaza de Armas de Cusco

Thumb
Veduta ta' Plaza de Armas f'Cusco.

Magħrufa bħala l-"Pjazza tal-ġellied" fi żmien l-Inka, f'din il-pjazza seħħew diversi avvenimenti importanti, bħall-proklamazzjoni ta' Francisco Pizarro fil-konkwista ta' Cusco.

Fil-Plaza de Armas ukoll miet Túpac Amaru II, li kien jitqies bħala l-mexxej indiġenu tar-reżistenza.

L-Ispanjoli bnew arkati tal-ġebel madwar il-pjazza li għadhom hemm sal-lum. Il-katidral prinċipali u l-Knisja ta' La Compañía jagħtu direttament fuq il-pjazza.

Thumb
Iglesia de la Compañía de Jesús.

Il-funtana tal-ħadid fondut f'Plaza de Armas ġiet maħduma minn Janes, Beebe & Co.

Iglesia de la Compañía de Jesús

Din il-knisja (il-Knisja tas-Soċjetà ta' Ġesù), li bdiet tinbena mill-Ġiżwiti fl-1576 fuq il-pedamenti tal-Amarucancha jew il-palazz tal-mexxej tal-Inka Wayna Qhapaq, titqies bħala waħda mill-aqwa eżempji tal-istil Barokk kolonjali fl-Amerki.

Il-faċċata tagħha hija mżejna bil-ġebel imnaqqax u l-artal prinċipali tagħha huwa magħmul mill-injam imnaqqax indurat bil-folji tad-deheb. Inbniet fuq kappella ta' taħt l-art u għandha kollezzjoni imprezzabbli ta' pitturi kolonjali tal-Iskola ta' Cusco.

Thumb
Qurikancha, Convento de Santo Domingo u Intipanpa.

Qurikancha u l-Kunvent ta' San Duminku

Il-Qurikancha ("post tad-deheb") kien l-iżjed santwarju importanti ddedikat lill-alla tax-Xemx (Inti) fi żmien l-Imperu Inka. Skont il-kronaki antiki miktuba minn Garcilaso de la Vega (kronista), il-Qurikancha kien jingħad li kellu ċirku kbir tad-deheb mastizz, ingastat bil-ħaġar prezzjuż, u dan kien jirrappreżenta lill-alla tax-Xemx tal-Inka – Inti. Il-kronisti Spanjoli jiddeskrivu l-Ġnien Sagru ta' quddiem it-tempju bħala ġnien ta' pjanti tad-deheb b'weraq tad-deheb battut, zkuk tal-fidda, ċifċiegħ tal-qamħirrum tad-deheb mastizz u 20 llama ta' daqs reali flimkien mar-rgħajja tagħhom kollha tad-deheb mastizz.

It-tempju nqered mill-invażuri Spanjoli li bis-serq tar-rikkezzi tal-belt, kienu ddeterminati li jeħilsu lill-belt mill-idolaturi, mis-santwarji u mill-ġid tagħha. Illum il-ġurnata, minn dan is-sit fadal biss ħajt ta' barra ġej għat-tond u fdalijiet parzjali tat-tempju intern biss.

B'din l-istruttura bħala pedament, il-kolonjalisti bnew il-Kunvent ta' San Duminku bl-istil Rinaxximentali. Il-binja, b'torri Barokk wieħed, hija itwal minn bosta binjiet oħra fil-belt.

Fuq ġewwa hemm kollezzjoni kbira ta' pitturi tal-Iskola ta' Cusco.

Mużewijiet

Thumb
Il-faċċata tal-Mużew tal-Arti Pre-Kolombjana.

Cusco għandha l-mużewijiet importanti li ġejjin:

  • Il-Mużew tal-Arti Pre-Kolombjana;
  • Il-Mużew ta' Casa Concha (il-Mużew ta' Machu Picchu);
  • Il-Mużew tal-Inka;
  • Il-Mużew Storiku Reġjonali ta' Cusco;
  • Iċ-Ċentru tat-Tessuti Tradizzjonali ta' Cusco;
  • Il-Mużew tal-Pjanti Sagri, Maġiċi u Mediċinali;
  • Iċ-ChocoMuseo (il-Mużew tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata).Barra minn hekk, hemm ukoll xi mużewijiet li jinsabu fil-knejjes.
Thumb
Nisa lebsin ilbies tradizzjonali bl-alpaka qrib il-fdalijiet ta' Sacsayhuaman fil-periferija ta' Cusco.
Thumb
Patrijiet Mercedarjani fil-purċissjoni tal-Corpus Christi fil-pjazza prinċipali ta' Cusco. Is-seklu 17, l-Iskola tal-Pittura Kolonjali ta' Cusco. Il-pittura attwalment tinsab fil-Palazz tal-Arċisqof ta' Cusco.
Thumb
Iċ-ċentru finanzjarju tal-belt, Av. de la Cultura, Cusco.
Remove ads

Popolazzjoni

More information Year, Pop. ...

Il-belt kellha popolazzjoni ta' madwar 434,114-il ruħ fl-2013 u popolazzjoni ta' 434,654 ruħ fl-2015 skont l-INEI.

More information Distrett tal-belt, Erja (km2) ...
Remove ads

Gastronomija

Bħala l-kapitali tal-Imperu Inka, Cusco kienet reġjun agrikolu importanti. Kienet riżerva naturali għal eluf ta' speċijiet Peruvjani nattivi, inkluż madwar 3,000 varjetà ta' patata kkultivata min-nies. Ir-ristoranti tal-fużjoni ta' gastronomiji differenti u r-ristoranti ġodda tal-gastronomija tal-Andes żviluppaw f'Cusco, u fihom il-platti jitħejjew b'tekniki moderni, b'taħlita ta' ingredjenti tradizzjonali tal-Andes u ingredjenti internazzjonali.

Remove ads

Ġemellaġġ

Cusco hija ġemellata ma':[13]

Ara wkoll

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads