Jeddah

belt fl-Arabja Sawdija From Wikipedia, the free encyclopedia

Jeddah
Remove ads

Jeddah (/ˈdʒɛdə/ JED-ə), trażlitterata mod ieħor ukoll bħala Ġedda, Ġeddaħ, Jedda, Jiddah jew Jidda (/ˈdʒɪdə/ JID-ə; bl-Għarbi: جِدَّة‎, b'ittri Rumani: Jidda; pronunzja bl-Għarbi ta' Hejaz: [ˈ(d)ʒɪd.da]), hija belt portwali fil-Provinċja ta' Mekka, l-Arabja Sawdija, li tinsab tul il-kosta tal-Baħar l-Aħmar fir-reġjun ta' Hejaz. Jeddah hija ċ-ċentru kummerċjali tal-pajjiż. Mhuwiex magħruf meta Jeddah ġiet stabbilita, iżda l-prominenza ta' Jeddah kibret fis-647 meta l-Kaliff Uthman għamilha ċentru tal-ivvjaġġar għall-vjaġġaturi Musulmani fi triqithom lejn il-belt imqaddsa ta' Mekka għall-pellegrinaġġ Iżlamiku. Minn dawk iż-żminijiet 'l hawn, Jeddah intużat bħala d-daħla lejn il-Mekka għal miljuni ta' pellegrini li jaslu fl-Arabja Sawdija, tradizzjonalment bil-baħar u reċentement bl-ajru.

Quick Facts Amministrazzjoni, Kap tal-Gvern ...

B'popolazzjoni ta' madwar 4,697,000 ruħ fl-2021, Jeddah hija l-ikbar belt fil-Provinċja ta' Mekka,[1] l-ikbar belt fir-reġjun ta' Hejaz, it-tieni l-ikbar belt fl-Arabja Sawdija (wara l-belt kapitali Riyadh), u d-disa' l-ikbar fil-Lvant Nofsani. Isservi wkoll bħala ċ-ċentru amministrattiv tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Iżlamika (l-OIC). Il-Port Iżlamiku ta' Jeddah, mal-Baħar l-Aħmar, huwa s-36 l-ikbar port marittimu fid-dinja u t-tieni l-iktar port marittimu traffikuż fil-Lvant Nofsani (wara l-Port ta' Jebel Ali f'Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda).[2]

Jeddah hija d-daħla prinċipali għall-Mekka, l-iżjed belt imqaddsa għall-Iżlam Sunni, 65 kilometru (40 mil) fil-Lvant, filwaqt li Medina, it-tieni l-iktar belt imqaddsa, tinsab 360 kilometru (220 mil) lejn it-Tramuntana. Ekonomikament, Jeddah qed tiffoka fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-investiment kapitali fit-tmexxija fl-oqsma tax-xjenza u tal-inġinerija fi ħdan l-Arabja Sawdija u l-Lvant Nofsani. Jeddah ġiet ikklassifikata fir-raba' post fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali skont l-Indiċi tal-Bliet tal-Innovazzjoni fl-2009.[3]

Jeddah hija waħda mill-bliet primarji bil-lukandi fl-Arabja Sawdija u ssejħet bħala belt dinjija Beta mill-Grupp ta' Studju u n-Network tal-Globalizzazzjoni u l-Bliet Dinjin (GaWC). Minħabba l-prossimità kbira tal-belt mal-Baħar l-Aħmar, il-ħut u l-frott tal-baħar jiddominaw il-kultura tal-ikel meta mqabbel ma' partijiet oħra tal-pajjiż. Bl-Għarbi, il-motto tal-belt huwa "Jeddah Ghair", li tfisser "Jeddah hija differenti". Il-motto ntuża b'mod wiesa' fost iċ-ċittadini lokali kif ukoll fost il-viżitaturi barranin.[4]

Remove ads

Etimoloġija u ortografija

Hemm mill-inqas żewġ etimoloġiji ta' Jeddah, skont Ibn Al-Qudaa'iy minn Jeddah, il-kap tal-klan tal-Quda'a. L-iżjed ġrajja komuni ssostni li l-isem oriġina minn جدة Jaddah, li bl-Għarbi tfisser "nanna". Skont twemmin folkloristiku tal-Lvant, il-Qabar ta' Eva, meqjusa bħala n-nanna tal-umanità, jinsab f'Jeddah.[5]

Il-vjaġġatur mill-Magreb Ibn Battuta żar Jeddah matul il-vjaġġ dinji tiegħu għall-ħabta tal-1330. Huwa kiteb isem il-belt fid-djarju tiegħu bħala "Jiddah".[6]

L-Uffiċċju Barrani Brittaniku u tal-Commonwealth, flimkien ma' fergħat oħra tal-gvern Brittaniku, qabel kienu jużaw ortografija iktar antika, "Jedda", iżda fl-2007, l-ortografija nbidlet għal "Jeddah".

T. E. Lawrence kien tal-fehma li kwalunkwe traskrizzjoni ta' ismijiet proprji bl-Għarbi kienet arbitrarja. Fil-ktieb tiegħu Revolt in the Desert (Rewwixta fid-Deżert), Jeddah tiġi spelluta saħansitra bi tliet modi differenti fl-ewwel paġna.[7]

Fuq il-mapep u d-dokumenti uffiċjali tal-Arabja Sawdija, isem il-belt jiġi traskritt bħala "Jeddah", li attwalment hija l-verżjoni l-iktar prevalenti.

Remove ads

Storja

Qabel l-Iżlam

Traċċi ta' attività bikrija fl-inħawi joħorġu fid-dieher permezz ta' xi kitbiet Tamudiċi li ġew skavati f'Wadi Briman (bl-Għarbi: وادي بريمان), fil-Lvant tal-belt, u f'Wadi Boweb (bl-Għarbi: وادي بويب), fil-Majjistral tal-belt. L-eqdem Mashrabiya li nstabet f'Jeddah tmur lura għal żmien qabel l-Iżlam.[8]

Uħud jemmnu li Jeddah kienet ġiet abitata qabel Alessandru Manju, li kellu spedizzjoni navali lejn il-Baħar l-Aħmar, minn sajjieda fil-Baħar l-Aħmar, li kienu jqisuha bħala ċentru li minnu kienu jbaħħru lejn il-baħar kif ukoll għar-rilassament u għall-benessri. Skont il-Ministeru tal-Hajj, Jeddah ilha insedjata għal iktar minn 2,500 sena.[9]

L-iskavi fiċ-ċentru storiku tal-belt ġew interpretati bħallikieku Jeddah ġiet stabbilita bħala raħal tas-sajd mit-tribù tal-Quda'a tal-Jemen (bl-Għarbi: بني قضاعة), li telqu mill-Jemen ċentrali biex jinsedjaw Mekka wara l-waqgħa tad-Diga ta' Marib fil-Jemen fil-115 Q.K.[10]

Taħt il-Kaliffati

Thumb
Jeddah fl-1938.

Jeddah kisbet prominenza għall-ewwel darba għall-ħabta tas-647 W.K., meta t-tielet Kaliff Musulman, Uthman Ibn Affan, ikkonvertiha fil-port ta' Mekka minflok il-port ta' Al Shoaib fil-Lbiċ ta' Mekka.[11]

L-Umajjad wirtu l-Kaliffat kollu ta' Rashidun, inkluż Hejaz, u rrenjaw mis-661 W.K. sas-750 W.K. Fis-702 W.K., Jeddah ġiet okkupata għal żmien qasir minn pirati mir-Renju ta' Aksum.[12] Madankollu, Jeddah baqgħet port ċivili ewlieni għas-sajjieda u għall-pellegrini li kienu jivvjaġġaw bil-baħar għall-pellegrinaġġ tal-Hajj. Huwa maħsub ukoll li x-Xarif ta' Mekka, Viċirè onorarju tal-art imqaddsa, inħatar għall-ewwel darba f'dan il-perjodu tal-Kaliffat Iżlamiku. Jeddah kienet ġiet stabbilita bħala l-belt prinċipali tal-provinċja storika ta' Hijaz u bħala port storiku għall-pellegrini li kienu jaslu bil-baħar għall-pellegrinaġġ tal-Hajj lejn Mekka.

Fis-750, fir-Rivoluzzjoni Abbasida, l-Abbasidi rnexxielhom jieħdu l-kontroll ta' kważi l-imperu kollu tal-Umajjad, minbarra l-Marokk (Maghrib) u Spanja (Al-Andalus). Mit-876, Jeddah u l-inħawi tal-madwar ġew soġġetti għal gwerer bejn l-Abbasidi u t-Tulunidi tal-Eġittu, li rnexxielhom jiksbu l-kontroll tal-emirati tal-Eġittu, tas-Sirja, tal-Ġordan u ta' Hejaz. It-taqbida għall-poter bejn il-gvernaturi Tulunidi u l-Abbasidi għal Hejaz damet għaddejja kważi 25 sena, sa mat-Tulunidi finalment irtiraw mill-Arabja fid-900 W.K.

Fid-930 W.K., il-bliet prinċipali ta' Hejaz, fosthom Medina, Mekka u Taif, insterqulhom ir-rikkezzi kollha mill-Qarmatjani. X'aktarx, għalkemm mhux ikkonfermat storikament, li Jeddah stess ġiet attakkata mill-Qarmatjani.

Ftit wara, fil-bidu tad-935, l-Ikhshididi, il-qawwa l-ġdida fl-Eġittu, ħadu l-kontroll tar-reġjun ta' Hejaz. Ma hemm l-ebda rekord storiku li jsemmi fid-dettall it-tmexxija tal-Ikhshididi fir-reġjun ta' Hejaz. Sa dan iż-żmien, Jeddah kienet għadha mhux iffortifikata u mingħajr ħitan madwarha.

Fatimidi, Ajjubidi u Mamluk

Thumb
It-Tabula Rogeriana, riproduzzjoni ta' waħda mill-iżjed mapep dinjin bikrin avvanzati, ta' Muhammad al-Idrisi, prodotta fl-1154, turi l-pożizzjoni ta' Jeddah. Din il-mappa hija orjentata bin-Nofsinhar fuq u t-Tramuntana isfel.

Fid-969 W.K., il-Fatimidi mill-Alġerija ħadu l-kontroll fl-Eġittu mill-gvernaturi Ikhshididi u mill-Abbasidi, u kabbru l-imperu tagħhom lejn ir-reġjuni tal-madwar, inkluż ir-reġjun ta' Hijaz u Jeddah. Il-Fatimidi żviluppaw network kummerċjali estensiv kemm fil-Mediterran kif ukoll fl-Oċean Indjan permezz tal-Baħar l-Aħmar. Ir-rabtiet kummerċjali u diplomatiċi tagħhom kienu jestendu saħansitra saċ-Ċina u d-dinastija Song, li eventwalment iddeterminaw l-andament ekonomiku ta' Tihamah matul il-Medju Evu Aħħari.

Wara l-konkwista ta' Ġerusalemm min-naħa ta' Saladin fl-1171, huwa pproklama lilu nnifsu sultan tal-Eġittu, wara li xolja l-Kaliffat Fatimida mal-mewt ta' al-Adid, u b'hekk stabbilixxa d-dinastija Ajjubida. Il-konkwisti Ajjubidi f'Hejaz kienu jinkludu lil Jeddah, li ngħaqdet mal-Imperu Ajjubid fl-1177 matul it-tmexxija ta' Sharif Ibn Abul-Hashim Al-Thalab (1094-1201). Matul iż-żmien relattivament qasir li damu jmexxu, l-Ajjubidi ġabu magħhom perjodu ta' prosperità ekonomika fl-artijiet li kienu jmexxu, u l-faċilitajiet u l-patrunaġġ ipprovdut mill-Ajjubidi wasslu għall-qawmien mill-ġdid tal-attività intellettwali fid-dinja Iżlamika. Dan il-perjodu huwa mmarkat ukoll minn proċess Ajjubid ta' tisħiħ qawwi tad-dominanza tal-Iżlam Sunni fir-reġjun, permezz tal-kostruzzjoni ta' bosta madrasa (skejjel Iżlamiċi) fil-bliet ewlenin. Jeddah attirat baħħara u merkanti Musulmani minn Sindh, mix-Xlokk tal-Asja u mil-Lvant tal-Afrika, kif ukoll minn reġjuni mbiegħda oħra.

Fl-1254, wara avvenimenti li seħħew fil-Kajr u x-xoljiment tal-Imperu tal-Ajjubidi, ir-reġjun ta' Hejaz sar parti mis-Sultanat tal-Mamluk.

L-esploratur Portugiż Vasco da Gama, irnexxielu jbaħħar madwar il-Kap permezz ta' bdoti mill-kosta ta' Zanzibar fl-1497 W.K., baħħar minn naħa għall-oħra tal-Oċean Indjan sax-xtut ta' Malabar u ta' Calicut, attakka l-flotot li kienu qed jittrasportaw il-merkanzija u l-pellegrini Musulmani mill-Indja għall-Baħar l-Aħmar, u werwer il-qawwiet kollha tal-madwar. Il-Prinċpijiet ta' Gujarat u tal-Jemen daru għall-għajnuna tal-Eġittu. Is-sultan Al-Ashraf Qansuh al-Ghawri b'hekk organizza flotta ta' 50 bastiment taħt il-Gvernatur ta' Jeddah, Hussein il-Kurd (magħruf ukoll bħala Mirocem). F'qasir żmien Jeddah ġiet iffortifikata b'ħajt, bl-użu tax-xogħol sfurzat, bħala port ta' refuġju mill-Portugiżi, u b'hekk l-Arabja u l-Baħar l-Aħmar setgħu jiġu protetti.

Imperu Ottoman

Thumb
Attakk Portugiż fl-1517 ta' Gaspar Correia (għall-ħabta tal-1496-1563); oriġinarjament minn Lendas da India ta' Gaspar Correia.

Fl-1517, it-Torok Ottomani ħakmu s-Sultanat tal-Mamluk fl-Eġittu u fis-Sirja matul ir-renju ta' Selim I.

L-Ottomani reġgħu bnew il-ħitan dgħajfa ta' Jeddah fl-1525 wara d-difiża tal-belt kontra l-Armada ta' Lopo Soares de Albergaria fl-Assedju ta' Jeddah (1517). Il-ħitan il-ġodda tal-ġebel kienu jinkludu sitt torrijiet tal-għassa u sitt daħliet għall-belt. Dawn inbnew bħala difiża kontra l-attakk tal-Portugiżi. Mis-sitt daħliet, id-Daħla ta' Mekka kienet id-daħla tal-Lvant, u d-Daħla ta' Al-Magharibah, li kienet tħares lejn il-port, kienet id-daħla tal-Punent. Id-Daħla ta' Sharif kienet tħares lejn in-Nofsinhar. Id-daħliet l-oħra kienu d-Daħla ta' Al-Bunt, id-Daħla ta' Al-Sham (imsejħa wkoll id-Daħla ta' Al-Sharaf) u d-Daħla ta' Medina, li kienet tħares lejn it-Tramuntana. It-Torok bnew ukoll il-Qishla ta' Jeddah, li kien kastell żgħir għas-suldati tal-belt. Fis-seklu 19, is-sitt daħliet u l-kastell żgħir ġew minimizzati f'erba' daħliet ġganteski b'erba' torrijiet. Dawn id-daħliet ġganteski kienu d-Daħla ta' Sham fit-Tramuntana, id-Daħla ta' Mekka fil-Lvant, id-Daħla ta' Sharif fin-Nofsinhar, u d-Daħla ta' Al-Magharibah fin-naħa tal-baħar.

Thumb
Mohammed Abu Zenada, wieħed mill-Kapijiet ta' Jeddah u l-konsulent tax-Xarif waqt li l-belt arrendiet favur ir-Re Abdul Aziz Ibn Saud fl-1925.

Jeddah saret Eyalet Ottoman dirett, filwaqt li l-bqija tar-reġjun ta' Hejaz taħt Sharif Barakat II sar stat vassall tal-Imperu Ottoman, tmien snin wara l-Assedju ta' Jeddah fl-1517. Il-Portugiżi ppruvaw jattakkaw il-belt għat-tieni darba fl-1541 iżda mingħajr suċċess.

Partijiet mill-ħitan tal-belt għadhom jeżistu sal-lum fiċ-ċentru storiku tal-belt. Għalkemm il-Portugiżi ġew irreżistiti sew, il-flotot fl-Oċean Indjan kienu mingħajr irpar. Dan ħareġ fid-dieher fil-Battalja ta' Diu. Iċ-ċimiterju tas-suldati Portugiżi għadu jeżisti fi ħdan iċ-ċentru storiku tal-belt u huwa magħruf bħala s-sit bl-oqbra Kristjani.

Ahmed Al-Jazzar, il-militar Ottoman magħruf l-iktar għar-rwol li kellu fl-Assedju ta' Acre, qatta' l-parti bikrija tal-karriera tiegħu f'Jeddah. Fl-1750 huwa qatel 70 nomadu li ħolqu rewwixta f'Jeddah sabiex jirritalja għall-qtil tal-kmandant tiegħu, Abdullah Beg, u b'hekk tlaqqam bħala "Jezzar" (biċċier).

Fil-15 ta' Ġunju 1858, rewwixta fil-belt li huwa maħsub li ġiet istigata minn eks kap tal-puluzija bħala reazzjoni għall-politiki Brittaniċi fil-Baħar l-Aħmar, wasslet għall-massakru ta' 25 Kristjan, fosthom il-konsli Brittaniċi u Franċiż, membri tal-familiji tagħhom, u merkanti Griegi għonja. Il-fregata Brittanika HMS Cyclops, ankrata fil-port, ibbumbardjat il-belt għal jumejn bħala ritaljazzjoni.

L-Ewwel Stat tal-Arabja Sawdija u l-Gwerra bejn l-Ottomani u l-Arabja Sawdija

Fl-1802, il-qawwiet ta' Nejd ħakmu Mekka u Jeddah mingħand l-Ottomani. Meta Sharif Ghalib Efendi informa lis-sultan Mahmud II b'dan, is-sultan ordna lill-Viċirè Eġizzjan Muhammad Ali Pasha biex jerġa' jaħtaf il-belt. Muhammad Ali rnexxielu jerġa' jirbaħ il-belt fil-Battalja ta' Jeddah fl-1813.

L-Ewwel Gwerra Dinjija u r-Renju Ħaxemit

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, Sharif Hussein bin Ali ddikjara rewwixta kontra l-Imperu Ottoman, biex jikseb l-indipendenza mit-Torok Ottomani, u jinħoloq stat Għarbi unifikat uniku minn Aleppo fis-Sirja sa Aden fil-Jemen.

Ir-Re Hussein iddikjara r-Renju ta' Hejaz. Iktar 'il quddiem, Hussein kien involut fi gwerra ma' Ibn Saud, li kien is-sultan ta' Nejd. Hussein abdika wara l-waqgħa ta' Mekka, f'Diċembru 1924, u ibnu Ali bin Hussein sar ir-re l-ġdid.

Renju tal-Arabja Sawdija

Thumb
Ir-Re Abdul Aziz bilqiegħda ma' Abdullah Ali Reda dakinhar li daħal f'Jeddah fl-1925.

Ftit xhur wara, Ibn Saud, li l-klan tiegħu oriġina fil-provinċja ċentrali ta' Nejd, ħakem lil Medina u lil Jeddah permezz ta' ftehim maċ-ċittadini ta' Jeddah wara t-Tieni Battalja ta' Jeddah. Huwa ħa post Ali bin Hussein, li ħarab lejn Bagdad, u eventwalment mar jgħix f'Amman, il-Ġordan, fejn id-dixxendenti tiegħu saru parti mill-familja rjali Ħaxemita ta' hemmhekk.

B'hekk, Jeddah sfat taħt l-influwenza tad-dinastija Al-Saud f'Diċembru 1925. Fl-1926, Ibn Saud żied it-titlu ta' Re ta' Hejaz mal-kariga li diġà kellu bħala s-Sultan ta' Nejd. Illum il-ġurnata, Jeddah tilfet ir-rwol storiku tagħha fil-politika tal-peniżola wara li l-belt saret tagħmel parti mill-provinċja l-ġdida ta' Mekka, bil-belt kapitali provinċjali ta' Mekka.

Mill-1928 sal-1932, il-Palazz il-ġdid ta' Khuzam inbena bħala r-residenza l-ġdida tar-Re Abdul Aziz f'Jeddah. Il-palazz jinsab fin-Nofsinhar tal-belt iffortifikata u nbena taħt is-superviżjoni tal-inġinier Mohammed bin Awad bin Laden. Wara l-1963, il-palazz intuża bħala residenza għall-mistednin irjali; mill-1995 beda jospita l-Mużew Reġjonali tal-Arkeoloġija u tal-Etnografija.

Il-fdalijiet tal-ħitan u tad-daħliet tal-belt inqerdu fl-1947. Fl-1982 xi binjiet tal-qedem fiċ-ċentru storiku tal-belt (Al-Balad) inqerdu bin-nar, iżda l-biċċa l-kbira tal-belt għadha ppreservata. Fl-1979 sar stħarriġ rigoruż dar b'dar tad-distretti tal-qedem, fejn ħareġ fid-dieher li jeżistu xi 1,000 binja tradizzjonali, għalkemm l-għadd ta' strutturi ta' valur storiku kbir kien ferm inqas. Fl-1990 ġie stabbilit Dipartiment tal-Preservazzjoni taż-Żona Storika ta' Jeddah.

Il-belt moderna kibret ferm lil hinn mill-konfini antiki tagħha. Iż-żona mibnija kibret l-iktar lejn it-Tramuntana tul il-kosta tal-Baħar l-Aħmar, sal-ajruport il-ġdid fis-snin 90 tas-seklu 20, u mbagħad baqgħet tiżviluppa madwaru sal-Qala ta' Ob'hur, xi 27 kilometru (17-il mil) miċ-ċentru storiku tal-belt.

F'Ottubru 2021, l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija, immexxija minn Mohammad bin Salman, bdew it-twaqqigħ fuq skala kbira u l-pjan ta' żgombru tal-kwartieri fin-naħa tan-Nofsinhar ta' Jeddah biex ikun jista' jitwettaq il-Proġett Ċentrali ta' Jeddah, proġett ta' rivitalizzazzjoni taħt il-Viżjoni tal-Arabja Sawdija għall-2030. It-twaqqigħ affettwa lil 558,000 ruħ f'iktar minn 60 kwartier. Amnesty International ikkonfermat permezz tad-dokumenti uffiċjali li wħud mir-residenti ġew innotifikati dwar l-iżgombru 24 siegħa qabel biss, filwaqt li oħrajn ġew innotifikati bejn ġimgħa u sitt ġimgħat qabel. F'xi każijiet inkiteb "evakwaw" fuq il-binjiet, filwaqt li l-mezzi tax-xandir statali u tabelli fit-toroq infurmaw lil oħrajn dwar it-twaqqigħ. Il-mezzi tax-xandir statali tal-Arabja Sawdija sostnew li l-maġġoranza tal-kwartieri affettwati kienu "mimlijin mard, kriminalità, drogi u serq" u kienu jospitaw lill-immigranti mingħajr dokumenti. F'Jannar 2022, l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija ħabbru skema ta' kumpens għal 47 % ta' dawn li ġew żgombrati.

Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Thumb
Iċ-ċentru storiku ta' Jeddah.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Jeddah, id-Daħla lejn il-Mekka, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[13]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[13]

Ġeografija

Thumb
Mappa ta' Jeddah minn OpenStreetMap.

Jeddah tinsab fil-pjanura kostali tal-Baħar l-Aħmar fl-Arabja Sawdija (imsejħa Tihamah). Jeddah tinsab fit-Tihama tar-reġjun ta' Hijaz (تهامة الحجاز) li qiegħda fil-muntanji inferjuri ta' Hijaz. Storikament, politikament u kulturalment, Jeddah kienet belt ewlenija tal-Vilajet ta' Hejaz, tar-Renju ta' Hejaz u ta' entitajiet politiċi reġjonali oħra skont il-kotba tal-istorja ta' Hijaz. Hija wkoll il-100 l-ikbar belt fid-dinja bħala erja tal-art.

Klima

Jeddah għandha klima arida (BWh skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Koppen), b'medda ta' temperaturi tropikali. Għad-differenza ta' bliet oħra tal-Arabja Sawdija, Jeddah jibqa' jkollha temperatura sħuna anke fix-xitwa, li tista' tvarja bejn 15 °C (59 °F) fiż-żerniq u 28 °C (82 °F) waranofsinhar. It-temperaturi tas-sajf ikunu estremament sħan, u spiss jaqbżu l-40 °C (104 °F) waranofsinhar. Fis-sajf ikun hemm indewwa għolja wkoll, spiss b'iktar minn 27 °C (80 °F), b'mod partikolari f'Settembru.

Il-preċipitazzjoni f'Jeddah ġeneralment tvarja, u normalment tinżel f'ammont żgħar f'Novembru u f'Diċembru. Il-maltempati qawwijin bir-ragħad spiss iseħħu fix-xitwa. Il-maltempata bir-ragħad ta' Diċembru 2008 kienet l-ikbar waħda dan l-aħħar, bi preċipitazzjoni ta' madwar 80 mm (3 pulzieri). L-iżjed temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata f'Jeddah kienet 9.8 °C (49.6 °F) fl-10 ta' Frar 1993. L-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata f'Jeddah kienet 52.0 °C (125.6 °F) fit-22 ta' Ġunju 2010, li hija wkoll l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fl-Arabja Sawdija.

Fis-sajf u xi kultant fix-xitwa jkun hemm tempesti tat-trab mid-deżerti tal-Peniżola tal-Arabja jew mit-Tramuntana tal-Afrika. Okkażjonalment, it-tempesti tat-trab jakkumpanjaw il-maltempati bir-ragħad.

More information Data klimatika għal Jeddah (1985-2010), Xahar ...
More information Jan, Fra ...
Remove ads

Distretti

Jeddah metropolitana hija magħmula minn 137 distrett (trażlitterati mill-Għarbi):

  1. Al-Murjan (il-Qroll)
  2. Al-Basateen (l-Għelieqi tas-Siġar tal-Frott)
  3. Al-Mohamadiya (ta' Muħammed)
  4. Ash-Shati (il-Bajja)
  5. An-Nahda (ir-Rinaxximent)
  6. An-Naeem (il-Ġenna)
  7. An-Nuzha (l-Eskursjoni)
  8. Az-Zahraa (minn Fatima Az-Zahraa)
  9. As-Salamah (is-Sikurezza)
  10. Al-Bawadi
  11. Ar-Rabwa (l-Għolja)
  12. Al-Safa
  13. Al-Khalidiya (ta' Khalid)
  14. Ar-Rawdha (il-Mergħa)
  15. Al-Faysaliya (ta' Faisal)
  16. Al-Andalus (l-Andalusija)
  17. Al-Aziziya (ta' Aziz "Abdulaziz")
  18. Ar-Rihab (il-Wita Enormi)
  19. Al-Hamraa (il-Ħamra)
  20. Mosharafa
  21. Ar-Ruwais
  22. Ash-Sharafiya (tax-Shareef)
  23. Bani Malik
  24. Al-Woroud (il-Fjuri)
  25. An-Naseem (iż-Żiffa)
  26. Al-Baghdadiya Ash-Sharqiya (fil-Lvant ta' Bagdad)
  27. Al-Amariya (ta' Ammar)
  28. Al-Hindawiya
  29. As-Saheifa
  30. Al-Kandra
  31. As-Sulaimaniya (ta' Sulaiman)
  32. Al-Thaalba (il-Volpijiet)
  33. As-Sabeel (il-Mogħdija)
  34. Al-Qurayat
  35. Gholail
  36. An-Nozla Al-Yamaniya
  37. Al-Nozla Ash-Sharqiya
  38. Al-Taghr (l-Istoma)
  39. Al-Jamaa (belt universitarja; qrib il-prossimità tagħha mal-Università tar-Re Abdul Aziz)
  40. Madayin Al-Fahad (il-Bliet ta' Fahad)
  41. Ar-Rawabi
  42. Al-Wazeeriya (Ministerjali)
  43. Petromin
  44. Al-Mahjar (il-Foss tal-Ġebel)
  45. Prince Abdel Majeed
  46. Obhour Al-Janobiya (fin-Nofsinhar tal-Bajja ta' Obhur)
  47. Al-Marwa
  48. AL-Fayhaa
  49. Università tar-Re Abdul Al-Aziz
  50. Al-Baghdadiya Al-Gharbiya (fil-Punent ta' Bagdad)
  51. Al-Balad (belt)
  52. Al-Ajwad
  53. Al-Manar
  54. As-Samer
  55. Abruq Ar-Roghama
  56. Madinat As-Sultan
  57. Um Hablain
  58. Al-Hamdaniya
  59. Al-Salhiya
  60. Mokhatat Al-Aziziya
  61. Mokhatat Shamal Al-Matar
  62. Mokhatat Ar-Riyadh
  63. Mokhatat Al-Huda
  64. Braiman
  65. Al-Salam
  66. Al-Mostawdaat
  67. Al-Montazahat
  68. Kilo 14
  69. Al-Harazat
  70. Um As-Salam
  71. Mokhtat Zahrat Ash-Shamal
  72. Al-Majid
  73. Gowieza
  74. Al-Gozain
  75. Al-Kuwait
  76. Al-Mahrogat
  77. Al-Masfa
  78. Al-Matar Al-Gadeem (l-ajruport antik)
  79. Al-Bokhariya
  80. An-Nour
  81. Bab Shareif
  82. Bab Makkah
  83. Bahra
  84. Al-Amir Fawaz
  85. Wadi Fatma
  86. Obhour Shamaliya
  87. At-Tarhil (id-deportazzjoni)
  88. Al-Iskan Al-janoubi
  89. At-Tawfeeq
  90. Al-Goaid
  91. Al-Jawhara
  92. Al-Jamoum
  93. Al-Khumra
  94. Ad-Difaa Al-Jawi (id-Difiża tal-Ajru)
  95. Ad-Dageeg
  96. Ar-Robou
  97. Ar-Rabie
  98. Ar-Rehaily
  99. As-Salmiya
  100. As-Sanabil
  101. As-Sinaiya (Bawadi)
  102. Belt Industrijali (Mahjar)
  103. Al-Adl
  104. Al-Olayia
  105. Al-Faihaa
  106. Al-Karanteena
  107. Al-Ajaweed
  108. Al-Ahmadiya
  109. Al-Mosadiya
  110. East Al-Khat As-Sarei
  111. Kilo 10
  112. Bażi Navali tar-Re Faisal
  113. Kilo 7
  114. Kilo 45
  115. Belt tal-Gwardji tar-Re Faisal
  116. Kilo 11
  117. Thowal
  118. Kilo 13
  119. Al-Makarona
  120. Al-Layth
  121. Al-Gonfoda
  122. Rabegh
  123. Kilo 8
  124. Kilo 5
  125. Kilo 2
  126. Al-Mokhwa
  127. Residenza tal-Gwardja Nazzjonali
  128. As-Showag
  129. Residenza tad-Difiża tal-Ajru
  130. Al-Morsalat
  131. Ash-Shoola
  132. Al-Corniche
  133. Al-Waha
  134. Mokhatat Al-Haramain
  135. Kholais
  136. Al-Rhmanya
  137. Wadi Al Batin
  138. Al Madinah
  139. Judayyiadat Arar
  140. As Salwa
  141. Al Huda
Remove ads

Ġemellaġġ

Remove ads

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads