Tim nazzjonali tal-futbol tal-Istati Uniti

From Wikipedia, the free encyclopedia

Tim nazzjonali tal-futbol tal-Istati Uniti
Remove ads

It-tim nazzjonali tal-futbol tal-Istati Uniti jirrappreżenta lill-Istati Uniti fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol. It-tim huwa mmexxi mill-Federazzjoni Amerikana u huwa membru tal-FIFA u l-CONCACAF.

Quick facts Psewdonimu, Assoċjazzjoni ...

It-tim ipparteċipa fi ħdax-il Tazza tad-Dinja, inkluż l-ewwel edizzjoni tal-1930 fejn waslu sas-semifinali. Wara l-edizzjoni tal-1950, l-Istati Uniti ma reġgħux ikkwalifikaw sal-1990. L-edizzjoni tal-1994 ġiet ospitata mill-Istati Uniti għall-ewwel darba, f'kompetizzjoni li rathom jinqalgħu barra fir-rawnd tal-aħħar sittax mir-rebbieħa eventawali tal-Brażil.

Minbarra kompetizzjonijiet internazzjonali, l-Istati Uniti tikkompeti wkoll f'kampjonati kontinentali fosthom il-CONCACAF Gold Cup, il-CONCACAF Nations League u l-Copa América. L-Amerikani rebħu seba' edizzjonijiet tal-Gold Cup u l-edizzjoni inawgurali tan-Nations League.

Remove ads

Storja

L-ewwel snin

Thumb
Il-formazzjoni tal-Istati Uniti fil-logħba kontra l-Iżvezja fl-1916.

L-ewwel tim nazzjonali tal-futbol tal-Istati Uniti ġie magħżul fl-1885 għal logħba kontra l-Kanada, fl-ewwel logħba internazzjonali li qatt intlagħbet barra r-Renju Unit; il-Kanada rebħu 1–0 lill-Istati Uniti. L-ewwel logħba uffiċjali waslet fl-20 ta' Awwissu 1916 kontra l-Iżvezja, li l-Amerikani rebħu 3–2.

L-Istati Uniti ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fl-Urugwaj. Huma bdew b'rebħa ta' 3–0 kontra l-Belġju u wara rebħa oħra identika kontra l-Paragwaj, b'Bert Patenaude jiskorja l-ewwel tripletta fl-istorja tal-kompetizzjoni.[1] Fis-semifinali, l-Amerikani tilfu kontra l-Arġentina 6–1. Minkejja li ma kienx hemm logħba għat-tielet post, il-FIFA tat lill-Istati Uniti t-tielet post minħabba differenza ta' gowls aħjar mill-Jugożlavja.[2] Dan jibqa' l-aqwa riżultat qatt miksub mill-Istati Uniti, u l-aqwa wieħed għal tim nazzjonali barra l-Amerika t'Isfel u l-Ewropa.

Fl-edizzjoni tal-1950 li saret fil-Brażil, l-Istati Uniti tilfu l-ewwel logħba 3–1 kontra Spanja, però b'sorpriża rebħu lill-Ingilterra b'gowl ta' Joe Gaetjens. Din ir-rebħa ta' 1–0 għadha kkunsidrata bħala fost l-ikbar diżappunti fl-istorja tal-kompetizzjoni.[3] Eventwalment ġew eliminati miċ-Ċili. Din il-parteċipazzjoni kellha tkun l-aħħar waħda fit-Tazza tad-Dinja għal erba' deċennji.

Is-snin disgħin

It-tim nazzjonali fl-aħħar nofs tas-seklu 20 ftit li xejn kellu rilevanza fuq livell internazzjonali. Il-federazzjoni Amerikana wkoll sofriet minn problemi finanzjarji bit-tim nazzjonali jilgħab biss żewġ logħbiet bejn l-1981 u l-1983. L-unika xaqq ta' dawl kienet il-prestazzjoni fl-Olimpjadi tal-1984, fejn għalkemm ġew eliminati fil-fażi tal-gruppi, huma tilfu logħba waħda minn tlieta kontra l-favoriti tal-Italja.

Fl-1988, il-FIFA għażlet lill-Istati Uniti sabiex jospitaw l-edizzjoni tal-1994 tat-Tazza tad-Dinja. Din qajment kritiika minħabba d-dgħjufija pperċepita tat-tim nazzjonali. Madanakollu, l-Istati Uniti rnexxielhom jagħmluha għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 b'rebħa ta' 1–0 kontra t-Trinidad u Tobago. Fl-ewwel dehra tagħhom wara erbgħin sena, l-Istati Uniti tilfu t-tliet logħbiet kontra ċ-Ċekoslovakkja, l-Italja u l-Awstrija. Għat-Tazza tad-Dinja tal-1994, li kkwalifikaw għaliha bħala l-ospiti, l-Istati Uniti ħarġu mill-grupp għall-ewwel darba mill-1930 wara rebħa kontra l-Kolombja, dro kontra l-Iżvizzera u telfa kontra r-Rumanija.[4] Fil-fażi tal-aħħar sittax, l-Istati Uniti tilfu 1–0 kontra r-rebbieħa eventwali tal-Brażil.[5]

Fl-1995, it-tim Amerikan ġie mistieden għall-Copa América. Huma spiċċaw l-ewwel fil-grupp wara li għelbu liċ-Ċili u l-Arġentina biex għaddew għall-kwarti tal-finali. F'din il-fażi huma rebħu lill-Messiku bil-penalties sakemm tilfu 1–0 fis-semifinali kontra l-Brażil. Eventwalment huma kklassifikaw fir-raba' post wara li tilfu l-ispareġġ kontra l-Kolombja.

Is-seklu 21

Fit-Tazza tad-Dinja tal-2002, taħt il-gwida ta' Bruce Arena, l-Istati Uniti laħqu l-kwarti tal-finali, li kienet l-ogħla pożizzjoni mill-edizzjoni tal-1930. Huma bdew b'rebħa sorpriża ta' 3–2 kontra l-Portugall, u wara ġabu dro kontra l-ospiti tal-Korea t'Isfel u telfa kontra l-Polonja. Huma spiċċaw it-tieni fil-grupp u fill-fażi tal-aħħar sittax iltaqgħu mal-qraba tal-Messiku, l-ewwel konfront bejniethom fit-Tazza tad-Dinja. L-Amerikani rebħu 2–0 biex affaċċjaw lill-Ġermanja fil-kwarti tal-finali, b'dawn tal-aħħar jirbħu b'gowl solitarju.

Taħt il-gwida tal-kowċ il-ġdid Bob Bradley, l-Istati Uniti ħadu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-2009. Għall-ewwel darba huma waslu sal-finali ta' kompetizzjoni tal-irġiel tal-FIFA meta fis-semifinali għelbu lil Spanja 2–0, li dak iż-żmien kienet l-ewwel fil-klassifika tal-FIFA u kienet għadha ġejja minn 35 logħba mingħajr telfa.[6] Fil-finali, minkejja li marru 2–0 minn fuq wara l-ewwel taqsima, il-Brażil għamlu rimonta biex rebħu t-titlu bi skor ta' 3–2.[7]

Thumb
Landon Donovan fit-Tazza tad-Dinja tal-2010

Għat-Tazza tad-Dinja tal-2010, l-Amerikani ġew imniżżla fi Grupp Ċ flimkien mal-Ingilterra, is-Slovenja u l-Alġerija. Wara żewġ dros kontra l-avversarji Ewropej, l-Istati Uniti ggarantixxu post fil-fażi ta' wara grazzi għar-rebħa ta' 1–0 kontra l-Alġerija, b'gowl fil-ħin miżjud ta' Landon Donovan. Bl-ewwel post fil-grupp, għall-ewwel darba mill-ewwel edizzjoni tal-1930, l-Istati Uniti ltaqgħu mal-Gana però ġew eliminati wara telfa ta' 2–1.[8] Fl-edizzjoni tal-2014, taħt il-gwida tal-kowċ Ġermaniż Jürgen Klinsmann, l-Istati Uniti spiċċaw fi grupp magħmul mill-Ġermanja, il-Gana u l-Portugall. Ir-rebħa kontra l-Gana u d-dro kontra l-Portugall kienu biżżejjed sabiex jagħmluha għar-rawnd li jmiss.[9] Din kienet l-ewwel darba li kkwalifikaw għall-fażi eliminatorja f'żewġ edizzjonijiet konsekuttivi.[10] Fir-rawnd tal-aħħar sittax huma sfaw megħluba mill-Belġju wara l-ħin barrani.[11]

Remove ads

Rekord kompetittiv

Tazza tad-Dinja

More information Sena, Fażi ...

CONCACAF Gold Cup

More information Sena, Fażi ...
Remove ads

Noti

  1. Il-FIFA tat it-tielet post lill-Istati Uniti favur is-semifinalista l-oħra, il-Jugożlavja, minħabba differenza ta' gowls aħjar (+1 kontra ż-żero tal-Jugożlavja). L-ebda logħba għat-tielet post ma ntlagħbet.[2]

Referenzi

Ħoloq esterni

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads