Lyon

muniċipalità fi Franza From Wikipedia, the free encyclopedia

Lyon
Remove ads

Lyon, ġieli spelluta wkoll Lyons (l-iktar bl-Ingliż), hija t-tielet l-ikbar belt fi Franza. Tinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Rhône u Saône, lejn il-Majjistral tal-Alpi Franċiżi, 391 kilometru (243 mil) fix-Xlokk ta' Pariġi, 278 kilometru (173 mil) fit-Tramuntana ta' Marsilja, 113-il kilometru (70 mil) fix-Xlokk ta' Ġinevra, u 50 kilometru (31 mil) fil-Grigal ta' Saint-Étienne.

Quick Facts Amministrazzjoni, Kap tal-Gvern ...

Il-belt ta' Lyon kellha popolazzjoni ta' 522,228 ruħ fl-2020 fi ħdan it-territorju muniċipali żgħir tagħha ta' 48 km2 (19-il mil kwadru)[1], iżda flimkien mas-subborgi u l-irħula tal-madwar tagħha, iż-żona metropolitana ta' Lyon kellha popolazzjoni ta' 2,293,180 f'dik l-istess sena, jiġifieri t-tieni l-iżjed popolata fi Franza. Mill-2015, Lyon u 58 muniċipalità sottourbani ffurmaw il-Metropoli ta' Lyon, awtorità metropolitana eletta direttament li issa hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet urbani, b'popolazzjoni ta' 1,416,545 ruħ fl-2020.[2] Lyon hija l-prefettura tar-reġjun ta' Auvergne-Rhône-Alpes u s-sede tal-Kunsill Dipartimentali ta' Rhône (il-ġurisdizzjoni tiegħu iżda ma għadhiex estiża sal-Metropoli ta' Lyon mill-2015).

Lyon kienet il-belt kapitali tal-Galli matul żmien l-Imperu Ruman, u Lyon għadha s-sede ta' arċiveskovat li d-detentur tiegħu għandu t-titlu ta' Primat tal-Galli. Lyon saret ċentru ekonomiku ewlieni matul ir-Rinaxximent. Il-belt hija magħrufa għall-kċina u l-gastronomija tagħha, kif ukoll għall-attrazzjonijiet storiċi u arkitettoniċi tagħha; fil-fatt, id-distretti taċ-Ċentru Storiku ta' Lyon, l-għolja ta' Fourvière, Presqu'île u x-xaqlibiet ta' Croix-Rousse tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Lyon kienet żona importanti storikament għall-produzzjoni u għall-insiġ tal-ħarir. Lyon kellha rwol sinifikanti fl-istorja taċ-ċinema minn mindu Auguste u Louis Lumière ivvintaw it-tagħmir ċinematografu hemmhekk. Il-belt hija magħrufa wkoll għall-festival tad-dwal tagħha, il-Fête des Lumières, li tibda kull sena fit-8 ta' Diċembru u ddum għal erbat ijiem; b'hekk Lyon ingħatat it-titlu ta' "Kapitali tad-Dwal".[4]

Ekonomikament, Lyon hija ċentru ewlieni tal-industriji bankarji, kimiċi, farmaċewtiċi u bijoteknoloġiċi. Il-belt tħaddan industrija sinifikanti tas-software b'enfasi partikolari fuq il-logħob elettroniku; f'dawn l-aħħar snin rawmet settur ta' kumpaniji innovattivi lokali li qed jikber.[5] Lyon tospita universitajiet u skejjel tal-edukazzjoni għolja rinomati, u hija t-tieni l-ikbar belt studenteska fi Franza, b'popolazzjoni universitarja ta' 200,000 student fi ħdan il-Metropoli ta' Lyon.[6] Lyon tospita l-kwartieri ġenerali internazzjonali tal-Interpol, tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, kif ukoll ta' Euronews. Skont l-Istitut tar-Riċerka dwar il-Globalizzazzjoni u l-Klassifikazzjonijiet Dinjin, Lyon titqies bħala belt "beta" mill-2018. Ġiet fit-tieni post fi Franza u fl-40 post globalment fil-klassifikazzjonijiet tal-2019 ta' Mercer fost l-aħjar bliet biex wieħed jgħix fihom.[7]

Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Iċ-Ċentru Storiku ta' Lyon ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Remove ads

Attrazzjonijiet prinċipali

Thumb
It-Teatru Ruman ta' Lyon.

Żmien il-Qedem

  • Il-fdalijiet Rumani man-naħa tal-għolja qrib il-Bażilika ta' Fourvière, bit-Teatru Antik ta' Fourvière, l-Odeon ta' Lyon u l-mużew Gallo-Ruman.
  • L-Anfiteatru tat-Tliet Galli – il-fdalijiet ta' anfiteatru Ruman.

Medju Evu u Rinaxximent

  • Il-Katidral ta' San Ġwann, knisja Medjevali b'elementi arkitettoniċi tas-sekli 13, 14 u 15, kif ukoll l-istruttura reliġjuża prinċipali fil-belt u s-sede tal-Arċisqof ta' Lyon;
  • il-Bażilika ta' San Martin d'Ainay, waħda mill-knejjes rari li għadhom jeżistu bi stil ta' bażilika Rumaneska f'Lyon;
  • il-Knisja ta' San Pawl, knisja Rumaneska (is-sekli 12 u 13) u Gotika (is-sekli 15 u 16);
  • il-Knisja ta' San Bonaventura, knisja Gotika tas-sekli 14 u 15;
  • il-Knisja ta' San Nizier, knisja Gotika tas-seklu 15, li għandha daħla mnaqqxa fis-seklu 16 minn Philibert Delorme;
  • iż-żona taċ-Ċentru Storiku ta' Lyon, kwartier Medjevali u Rinaxximentali bil-ħwienet, bir-ristoranti u bit-toroq biċ-ċagħaq;
  • il-bosta hôtels particuliers Rinaxximentali taċ-ċentru storiku ta' Lyon, bħall-Hôtel de Bullioud, inbnew ukoll minn Philibert Delorme.

Seklu 19 u żminijiet moderni

  • L-Opéra Nouvel (1831), teatru tal-opri rinnovat fl-1993 minn Jean Nouvel;
  • it-Théâtre des Célestins (1877), teatru ddisinjat minn Gaspard André;
  • il-Bażilika tal-Madonna ta' Fourvière, bażilika kbira tas-seklu 19 fil-quċċata tal-Għolja ta' Fourvière;
  • it-Torri tal-Ħadid ta' Fourvière (1894);
  • is-Suq tal-Laħam u l-Biċċerija ta' La Mouche (1914, 1928), iddisinjati minn Tony Garnier;
  • il-Monasteru ta' Santa Marija de La Tourette (1960), iddisinjat minn Le Corbusier;
  • l-Ajruport Internazzjonali ta' Saint-Exupéry (li qabel kien l-Ajruport ta' Satolas), iddisinjat minn Guillaume Gilbert;
  • l-Istazzjon ta' Lyon Saint-Exupéry (1994), iddisinjat minn Santiago Calatrava;
  • il-Palazz tal-Kungress ta' Lyon (1998), iddisinjat minn Renzo Piano u grupp ta' binjiet għal diversi funzjonijiet differenti;
  • it-Tour du Crédit Lyonnais;
  • it-Tour Oxygène;
  • it-Tour Incity.

Mużewijiet

  • Musée des beaux-arts de Lyon (Mużew tal-Belle Arti), il-mużew prinċipali tal-belt u wieħed mill-ikbar galleriji tal-arti fi Franza. Ospitat fil-Palais Saint Pierre, eks kunvent tas-seklu 17, issa fih kollezzjoni kbira ta' pitturi ta' artisti bħal Tintoretto; Paolo Veronese; Nicolas Poussin; Rubens; Rembrandt; Zurbaran; Canaletto; Delacroix; Monet; Gauguin; Van Gogh; Cézanne; Matisse; Picasso; Francis Bacon...); kollezzjonijiet ta' skulturi, tpinġijiet u opri stampati, arti dekorattiva, antikitajiet Rumani u Griegi; it-tieni l-ikbar kollezzjoni ta' antikitajiet Eġizzjani fi Franza wara dik tal-Louvre; u kollezzjoni ta' 50,000 medalja u munita.
  • Il-Mużew Gallo-Ruman jesponi bosta oġġetti tal-arti u ta' valur li nstabu fis-sit Ruman ta' Lyon (Lugdunum) bħall-mużajk tal-logħob taċ-ċirklu, il-kalendarju ta' Coligny u l-artal Tawroboliku.
  • Is-Centre d'histoire de la résistance et de la déportation (Ċentru Storiku tar-Reżistenza u tad-Deportazzjoni).
  • Il-Musée des Confluences, mużew ġdid tax-xjenzi u tal-antropoloġija, li nfetaħ għall-pubbliku fl-20 ta' Diċembru 2014.
  • La Sucrière, ċentru tal-arti kontemporanja.
  • Il-Hôtel-Dieu de Lyon jospita l-"Musée des Hospices Civils", wirja permanenti dwar l-istorja u l-prattika tal-mediċina mill-Medju Evu saż-żminijiet moderni.
  • Il-Musée des Tissus et des Arts décoratifs, mużew tal-arti dekorattiva u tat-tessuti, li fih waħda mill-ikbar kollezzjonijiet ta' tessuti fid-dinja b'2.5 miljun opra.
  • Il-Musée d'art contemporain de Lyon, mużew tal-arti kontemporanja.
  • Il-Musée de L'imprimerie, mużew tal-istampar.
  • Il-Musée Gadagne, mużew tal-istorja ta' Lyon ospitat f'binja storika fiċ-ċentru storiku ta' Lyon, li jinkludi kollezzjoni kbira ta' pupazzi.
  • Il-Musée des Automates, mużew tal-pupazzi awtomatizzati fiċ-ċentru storiku ta' Lyon, li infetaħ fl-1991.
  • Il-Musée Miniature & Cinéma, mużew dwar minjaturi tax-xeni ċinematografiċi, tal-oġġetti ċinematografiċi u tal-effetti speċjali taċ-ċinema.

Parks u ġonna

  • Parc de la Tête d'or, magħruf ukoll bħala l-Park tar-Ras tad-Deheb, fiċ-ċentru ta' Lyon huwa l-ikbar park urban fi Franza b'117-il ettaru (290 akru). Jinsab fis-sitt arrondissement, u fih lag kbir li fih ikun hemm id-dgħajjes matul ix-xhur tas-sajf.
  • Jardin botanique de Lyon (tmien ettari (20 akru)), inkluż fil-Parc de la Tête d'Or, huwa ġnien botaniku muniċipali u huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa mingħajr ħlas. Il-ġnien ġie stabbilit fl-1857 bħala suċċessur ta' ġonna botaniċi iktar bikrin li jmorru lura għall-1796, u issa jista' jiġi deskritt bħala l-ikbar ġnien botaniku muniċipali ta' Franza.
  • Parc de Gerland, fin-Nofsinhar tal-belt (80 ettaru (200 akru)).
  • Parc des hauteurs, f'Fourvières.
  • Parc de Miribel-Jonage (2,200 ettaru (5,400 akru)).
  • Parc de Lacroix-Laval (115-il ettaru (280 akru)).
  • Parc de Parilly (178 ettaru (440 akru)).
Remove ads

Relazzjonijiet internazzjonali

Lyon hija belt pilota tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-programm "Bliet interkulturali" tal-Kummissjoni Ewropea. Lyon hija ġemellata ma':

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads